Il-linja nazzjonali tal-ajru Pollakka, LOT Polish Airlines, nediet titjiriet diretti ġodda bejn il-belt kapitali ta’ Varsavja u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Il-linja tal-ajru Star Alliance bdiet toffri erba’ titjiriet fil-ġimgħa, kull nhar ta’ Tlieta, l-Erbgħa u fi tmiem il-ġimgħa, bl-ewwel titjira inawgurali saret l-Erbgħa li għadda
Il-Kap Eżekuttiv ta’ LOT Polish Airlines, Michal Fijol qal li Malta hija destinazzjoni mill-isbaħ matul is-sena kollha, grazzi għall-istorja rikka tagħha, il-baħar u t-temp sabiħ li għandu pajjiżna.
Bl-introduzzjoni ta’ din ir-rotta diretta, il-Pollakki jista’ jiskopri aħjar il-ġmiel ta’ pajjiżna.
F’kelmtejn għall-okkażjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din iż-żieda fil-konnettività.
Huwa qal li dan is-servizz ġdid se jsaħħaħ ir-rabtiet ta’ pajjiżna mal-Ewropa Ċentrali, speċjalment fid-dawl tal-popolarità dejjem tikber ta’ Malta fil-Polonja.
L-istatistika turi li f’Jannar ta’ din is-sena, kienu madwar 31,000 turist Pollakk li żaru Malta. Dan huwa l-akbar numru fost il-pajjiżi Ewropej kollha. Dawn iċ-ċifri żdiedu għal 31,500 fi Frar u b’hekk il-Polonja hija t-tieni l-akbar fis-suq Ewropew wara r-Renju Unit.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef żied jgħid li r-rotta ta’ LOT mhux biss se sservi għas-suq turistiku iżda wkoll is-suq tan-negozju.
Barra minn hekk, in-netwerk usa’ ta’ LOT fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Asja, qed joffri konnessjonijiet bla xkiel għal dawk li jivvjaġġaw minn dawk is-swieq lejn Malta.