Lorry Zerafa ta’ 50 sena minn Nadur huwa r-raġel li l-Ġimgħa filgħaxija tilef ħajtu fix-Xewkija, Għawdex.
Il-każ li ħasad il-ħajja ta’ Zerafa seħħ ħdejn fabbrika fiż-Żona Industrijali għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija.
Fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija, intqal kif minn stħarriġ preliminari rriżulta li Zerafa nqabad bejn trakk li kien qiegħed isuq u ħajt. Dan wara li għal xi raġuni t-trakk, tat-tip skip loader, li sa ftit qabel kien qiegħed jinstaq mill-vittma, mexa lura.
Tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa sabiex jassistu. Madanakollu, Zerafa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post tal-inċident.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġistetjali mill-Maġistrat tal-Għassa Brigette Sultana filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizja u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.
Intant, fuq il-midja soċjali kienu bosta dawk li sellmu l-memorja ta’ Lorry Zerafa.
Fost dawn hemm, Giorgiana Camillieri, oħt il-mara ta’ Zerafa li kitbet kif issa Lorry mhux se jibqa’ jdaħħakom kif kien iħobb jagħmel.
Huwa ħalla warajh lill-martu u ibnu, fost dawk li qegħdin jibku t-telfa tiegħu.
Ritratt Xellug: Talk.mt