“F’din id-dinja dejjem għextu ħajjitkom flimkien u qatt ma kontu toqogħdu mingħajr xulxin. Għalkemm ma xtaqtx li ninfirdu b’dal-mod, lill-Mulej nirringrazzjah li issa qed tgħixu l-ħajja ta’ dejjem flimkien ferħanin bħalma dejjem xtaqtu.”
Kliem mill-aktar emozzjonanti minn fomm Charlo, bin Lorry u Doreen Pulis – ir-raġel u l-mara li ħallew din id-dinja id f’id f’inċident mill-aktar traġiku fl-Awstralja.
Fi Knisja ppakkjata, b’żewġ twiebet biswit xulxin, f’xena ta’ qsim il-qalb, kienu ħafna li nġabru biex jagħtu l-aħħar tislima lil żewġ persuni maħbubin ferm f’Birżebbuġa.Suzanne Zammit, bint il-mara li siefret mal-koppja, qalet ma’ ONE News li ommha u Doreen kienu ilhom ħafna jippjanaw il-btala, u qatt ma bassret li t-titjira lejn l-Awstralja kienet se tkun l-aħħar darba li jkunu flimkien qabel ma’ Doreen tiltaqa’ mal-mewt.
Zammit qalet li “Qatt ma bsarna li kienet se tkun l-aħħar darba li kienu se jiltaqgħu huma kienu ħbieb kbar kienu jaħdmu flimkien. Tinsab imdejqa li nfirdu minn xulxin u li issa mhux se jerġgħu jiltaqgħu lanqas l-iskola fejn kienu jaħdmu flimkien.”
Ninu Abdilla, iz-ziju ta’ Doreen, tkellem dwar l-aħħar memorja tiegħu man-neputija.
Abdilla qal “Ġiet għandi ġurnata qabel qaltli li ħa ssiefer għamiltilha toast u kafe għidtilha l-vjaġġ it-tajjeb u daqshekk rajtha ma rajthiex iktar.”
Fost il-qlub sogħbiena li attendew għall-funeral, kien hemm dik ta’ Joseph Farrugia, li kien ħabib sew ta’ Lorry.
Farrugia qal li “Bniedem li jiċċajta ma’ kulħadd, ċajta jeħodha, tgħidlu x’tgħidlu ma jiħux għalih, semmilu l-mutur għidlu kemm għandek mutur sabiħ, u ttellgħu s-sema għax il-mutur kien id-delizzju tiegħu.”
Il-mewt traġika tagħhom ġabet id-dlam f’ħajjet ħafna nies, speċjamlent qraba, ħbieb u kollegi tal-koppja.
Fl-omelija, il-Kanonku Dun Anton Galea Scanura, Kappillan tal-Parroċċa, iddeskriva l-inċident traġiku bħal sajjetta fil-bnazzi li temmet ħesrem ħajjet il-koppja.
Innota kif mingħajr l-iċken twissija, il-ħajja tal-għeżież tagħhom mid-dawl spiċċat fid-dlam, hekk kif Lorry u Doreen kellhom destin mill-aktar kiefer jistennihom.
Biex fil-preżenza ta’ nies imbikkma b’għajnejn miksura u qlub sogħbiena bit-telfa, Lorry u Doreen temmew il-vjaġġ tagħhom fuq din l-art u għaddew għall-ħajja ta’ dejjem.