Londra rnexxielha tmur kontra l-limitu annwali ta’ tniġġiż fl-arja, fl-ewwel ħamest ijiem tal-2017. Dawk li jitkellmu favur l-ambjent f’Londra saħqu li dan juri kemm is-sitwazzjoni f’din il-Belt qed tiggrava.
Skont il-liġi Ingliża, l-livelli ta’ NO2 (nitrogen dioxide) fl-arja ma jistax jaqbeż il-200 mikrogramma kull metru kubu, iżda l-Ħamis dan il-limitu kien diġa’ nqabeż fi triq Brixton, Lambeth.
Bosta siti oħra mistennija jaqbżu dan il-limitu f’din il-Belt, bi triq Putney taqbeż il-limitu ta’ emissjonijiet fis-siegħa għall-1,200 darba fl-2016. Siti oħra li huma magħrufa għat-tniġġiż fl-arja huma Oxford street, Kings Road u the Strand.
Dawn l-emissjonijiet ħafna drabi jiġu ġġenerati minn vetturi li joperaw bid-diesel u huma l-kawża ta’ 5,900 mewt fis-sena, f’Londra biss. Ħafna miż-żoni f’Londra qed imorru kontra l-limitu stabbilit fil-liġi Ingliża, kriżi li wasslet biex il-Membri Parlamentari jirreferu għaliha bħala emerġenza ta’ saħħa.