Waqt is-serata tal-Premju Nazzjonali tal-ktieb ta’ din is-sena, il-preżentatur Lon Kirkop, li flimkien ma’ Josette Sciberras, jippreżenta l-programm INDIGO fuq ONE, rebaħ il-premju għall-Aqwa Awtur Emerġenti kif ukoll il-kategorija tad-drama bil-ktieb ‘Fil-Ħajja li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq’ (Merlin Publishers).
Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jittella’ kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), u r-rebbieħa jintgħażlu minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti u skont kriterji u proċess rigoruż.
Il-kotba rebbieħa ntagħżlu minn lista ta’ 61 finalist, li kienu ppubblikati s-sena l-oħra u kienu mqassmin f’erbatax-il kategorija.
F’kummenti dwar iż-żewġ unuri li rċieva, Lon Kirkop qal li dawn jimlewh b’aktar kuraġġ biex, bħala kittieb ġdid, ikompli f’din it-triq u jwassal il-kitbiet tiegħu għand il-qarrej.
“Meta tkun fil-bidu tal-karriera tiegħek, bħalma jien bħalissa, rikonoxximent bħal dan jgħinek tkompli tagħraf li dak li qiegħed tagħmel hu validu,” saħaq l-awtur u preżentatur ta’ ONE.