Din is-sena, il-ħarġiet kulturali dwar il-wirt storiku u arkitettoniku organizzati mill-Awtorità tal-Ippjanar se jagħtu ħarsa lejn in-Nofsinhar ta’ Malta, fil-lokalità taż-Żejtun.
Meta Gran Mastru kien jiddeċiedi li jeleva raħal u jagħtih it-titlu ta’ belt, billi juża l-kunjom ta’ ommu stess, żgur għandu jkun post ta’ importanza. Ferdinand von Hompesch, l-aħħar Gran Mastru li saltan f’Malta, ta t-titlu ta’ Città Beland lil-lokalità taż-Żejtun fl-1797.
L-oriġini taż-Żejtun tmur lura għaż-żminijiet tal-Feniċi u dawk Rumani. Oriġinarjament iż-Żejtun, magħruf bħala Terra Santa Katarina, kien ikopri l-parti tax-Xlokk tal-gżira u kien jibqa’ jestendi sal-periferija tal-ħitan li jipproteġu l-Kottonera. Sal-1680, iż-Żejtun primarjament kellu żewġ komunitajiet residenzjali separati – waħda magħrufa bħala Bisqallin, li għadha tissemma sal-lum bħala r-Raħal t’Isfel, u Ħal Ġwann u Ħal Bisbut magħrufa bħala r-Raħal ta’ Fuq. L-iżvilupp matul is-seklu 18 u l-bini tal-knisja parrokkjali l-ġdida bejn iż-żewġ komunitajiet iffurmaw iċ-ċentru preżenti u saru komunità waħda.
Matul il-mixja, il-parteċipanti se jiksbu apprezzament wiesa’ tan-nisġa urbana taż-Żejtun li primarjament tikkonsisti minn toroq tradizzjonali. Il-parteċipanti se jkunu qed jaraw ir-rikkezza estetika ta’ diversi binjiet ta’ sinifikat arkitettoniku u storiku li jinkludi wkoll ir-residenzi tas-sajf tal-Gran Mastru Perellos u l-Arċisqof Cagliares, il-Palazz Aedis Danielis u postijiet oħra importanti f’din il-lokalità. Il-mixja se tagħti wkoll lill-parteċipanti apprezzament aħjar tad-diversi inizjattivi, li l-Awtorità tal-Ippjanar ilha torganizza matul is-snin, li minnhom ibbenefikaw iż-Żejtun u r-residenti tagħha.
Se jiġi pprovdut trasport b’xejn li jitlaq mill-Furjana (quddiem l-Uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar) fid-09:00am. Il-mixja tintemm fin-12:30pm. Sabiex tibbukkja post għal dawn il-ħarġiet kulturali ċemplilna fuq 2290 2021 jew ibgħat imejl fuq tours@pa.org.mt. Dawn il-ħarġiet kulturali qed jiġu organizzati darba fix-xahar u l-postijiet jittieħdu fuq bażi first-come-first-served. Il-ħlas hu ta’ €3 għal kull persuna. Din is-sena, il-flus li se jinġabru minn dawn il-ħarġiet kulturali ser jingħataw donazzjoni lill-Fondazzjoni Marigold.