- Il-popolazzjoni Maltija hija stmata li nefqet madwar €125 miljun f’servizzi ta’ logħob matul l-2015, ekwivalenti għal madwar 2.8% tan-nefqa totali tal-konsum f’kull dar
- Il-persuni li jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ logħob bi ħlas huma probabbilment dawk li għandhom 45 sena jew aktar, b’edukazzjoni li tilħaq il-livell sekondarju u li mhumiex attivi fis-suq tax-xogħol
Dan ħareġ mill-ewwel stħarriġ ippubblikat mill-Awtorità Maltija dwar il-Logħob dwar il-konsum ta’ servizzi tal-logħob minn residenti Maltin, li jinkludi konsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali. Dan l-istħarriġ sar minn Dr Gordon Cordina.
L-istħarriġ xjentifiku li sar bejn l-2015 u l-2016 jagħti valutazzjoni tal-imġiba tal-logħob tal-flus fost il-Maltin. Dan l-istħarriġ jagħti wkoll stampa aktar ċara fuq il-livell ta’ dipendenza fuq il-logħob f’Malta.
Dan l-istħarriġ ġie mħabbar u ppublikat matul konferenza stampa li saret ġewwa l-Uffiċju tal-Prim Ministru, u ġiet indirizzata mill-Onorevoli Silvio Schembri, Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, u mic-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità, Joseph Cuschieri.
Silvio Schembri qal li dan l-istħarriġ kien meħtieġ ferm sabiex wieħed jifhem aħjar l-effett tal-logħob fuq il-ħajja soċjali tal-popolazzjoni, kif ukoll l-effett ekonomiku li dan iħalli fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Filwaqt, li rrikonoxxa li l-industrija tal-logħob qed tħalli efetti pożittivi fuq l-ekonomija Maltija, huwa saħaq li għal dan l-iżvilupp il-Gvern għandu jkompli jibni fuq politika soċjali li tħares l-interessi tan-nies sabiex dan il-mezz rikreattiv ma jħallix impatt soċjali negattiv.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità dwar il-Logħob, Joseph Cuschieri irrimarka l-importanza ta’ dan l-istħarriġ fejn, “Għalewwel darba qiegħed jiġi ppublikat stħarriġ xjentifiku li jillustra b’ mod ċar l-imġiba assoċjata mal-logħob tal-popolazzjoni Maltija. Dan l-istħarriġ għandu jgħin lill-partijiet interessati jiżviluppaw politika bbażata fuq riċerka xjentifika u mhux waħda bbażata fuq impressjonijiet jew informazzjoni skorretta. Dan għandu jixpruna li f’ pajjiżna jkun hemm dibattitu nfurmat dwar l-impatti ekonomiċi u soċjali tal-logħob. Dan l-istħarriġ jagħti wkoll stampa aktar ċara fuq il-livell ta’ dipendenza fuq il-logħob f’Malta.”
Punti ewlenin oħra li joħorġu minn dan l-istħarriġ jinkludu:
- Is-servizzi tal-logħob saru komponent essenzjali fl-attivitajiet rikreattivi fid-djar Maltin. Dan joħloq kontribuzzjoni għal attività ekonomika, u teħtieġ li tiġi ġestita b’tali mod li ma taffettwax is-sostenibbiltà ta’ stili ta’ ħajja;
- B’mod ġenerali, minn 1% sa 2% tal-popolazzjoni (li tista tvarja bejn 2,000 u 4,000 ruħ) li takkwista servizzi ta’ logħob bi ħlas tirrapporta xi tip ta’ effett avvers bejn l-attività tal-logħob u l-istil ta’ ħajja. Ir-riżultati minn dan l-istħarriġ jindikaw li problemi assoċjati ma’ attivitajiet ta’ logħob permezz ta’ mezzi regolari huma relattivament ikkontrollati. Dan konformi max-xejriet f’ġurisdizzjonijiet oħra tal-UE;
- Dan jimplika li, aktar probabbli milli le, problemi aktar estensivi u aktar serji assoċjati mal-logħob joriġinaw primarjament minn attivitajiet illegali;
- NGOs involuti fi kwistjonijiet soċjali b’rabta mal-logħob jenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar riżorsi li għandhom jiġu ddedikati għat-taħriġ ta’ professjonisti fil-qasam tal-vizzju tal-logħob;
- Konformi ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-logħob responsabbli jibqa’ prijorità ewlenija li jixpruna l-ethos regolatorju u l-objettivi tal-politiki tal-MGA.
- Il-logħob tal-Lotterija Nazzjonali huma l-aktar forma prevalenti ta’ logħob, segwit eżatt wara bi nfiq fi stabbilimenti u ħwienet tal-logħob.
- Madwar 195,300 persuna huma stmati li nefqu l-flus fuq xi forma ta’ attività tal-logħob fl-2015, madwar 56% tal-popolazzjoni b’età ta’ 18-il sena u aktar. In-nefqa medja ta’ kull ġimgħa minn dawn il-persuni laħqet it-€12.30. Madwar 46% tal-popolazzjoni tipparteċipa f’logħob bla ħlas;