Id-duo tal-badminton Matthew Abela u Sam Cassar ipproduċew wirja tajba fl-ewwel rawnd tad-doubles tal-Irġiel fl-NEC Hall f’Birmingham il-Ħamis filgħaxija, meta rebħu kontra it-tim tal-Uganda mgħamul minn Friday Attama u Kenneth Mwambu.
Abela u Cassar, li bħalissa huma kklassifikati b’ranking iktar baxx mill-koppja tal-Uganda, taw prestazzjoni determinata u b’saħħitha biex rebħu l-logħba f’żewġ sets (21-10, 21-18) u ħalliethom jipproċedu għar-rawnd li jmiss li ser issir il-lejla. Dawn ser jilagħbu kontra Jacob Schueler u Nathan Tang tal-Awstralja.
Il-Ġimgħa filgħodu, il-lottatur Adam Vella kkompeta fl-ewwel rawnd. Vella ġie draw kontra l-Pakistani Inayat Ullah li rebaħ il-partita bl-iskor ta’ 10-0 miksub permezz ta’ superjorità teknika.
Fl-atletika, fir-Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-Grupp B tal-avveniment tal-Long Jump, ir-riżultat ta’ Claire Azzopardi ta’ 5.76m naqas milli jasal sal-avveniment finali.
Fl-iSquash Doubles tal-irġiel Kijan Sultana u Niall Engerer, wara r-rebħa tagħhom kontra l-Gżejjer Cayman ilbieraħ wara nofsinhar, lagħbu kontra l-aqwa plejers tad-doubles Ingliżi James Willstrop u Declan James. It-tnejn urew li huma plejers b’saħħithom li rriżulta f’telfa ta’ 2-0 għal Malta. Ftit wara Sultana u oħtu Lijana kienu impenjati f’logħba mixed doubles kontra d-duo tal-Gżejjer Cayman Jade Pitcairn u Jake Kelly. Sfortunatament, minkejja kull sforz, l-aħwa Sultana li tilfu l-logħba 2-0.
Aktar tard illejla, Malta se tara wkoll lil Charlotte Wingfield tikkompeti fis-semi finali tal-avveniment tal-200m.