Grupp mill-kunsill lokali taż-żgħażagħ ta’ Ħ’Attard ħarġu bl-idea li joħolqu sett karti tal-logħob li juru l-lokalitajiet differenti ta’ pajjiżna. B’sett ta’ erbgħa u ħamsin karta l-mazz jagħti ħarsa lejn kull lokalità f’Malta, filwaqt li fuq kull karta hemm informazzjoni u statistika fuq il-lokalità rispettiva.
Il-ħsieb taż-żgħażagħ kien li jagħmlu proġett li hu edukattiv iżda fl-istess ħin jista’ jintuża fil-ħin ta’ rikreazzjoni u għalhekk tawh il-forma ta’ logħba. Is-Sindku tal-kunsill Lokali taż-żgħażagħ ta’ H’Attard, Benjamin Dalli spjegalna iktar kif tintlagħab din il-logħba wara li l-karti jitqassmu b’mod ugwali.