‘Valletta – Streets of History’.
Dan huwa l-isem ta’ logħba immersiva bl-użu tal-augmented reality, li ġiet żviluppata bl-għan li sservi kemm għall-edukazzjoni kif ukoll għad-divertiment.
B’kollaborazzjoni bejn l-Istitut tal-Logħob Diġitali u d-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta, tmien studenti kurrenti u passati ingħaqdu ma’ letturi tal-fakultajiet rispettivi tagħhom sabiex għaqqdu r-riċerka mar-rikreazzjoni.
Minbarra li din il-logħba se teduka lil dawk li jilagħbuha dwar l-istorja rikka tal-belt kapitali Maltija, din se tkun tikkonsisti wkoll fi stejjer.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal li din il-logħba mhux se tiffoka fuq l-istejjer li lkoll aħna familjari magħhom, iżda se tmur lil hinn.
Minkejja li din il-logħba mhix l-ewwel waħda li pproduċa l-Istitut tal-Logħob Diġitali, din hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, fejn qed tinkorpora t-toroq tipikament Maltin biex tgħallem, toffri divertiment u toħloq sens ta’ apprezzament lejn dan il-ġawhar ta’ pajjiżna.
Daniel Vella, Senior Lecturer fi ħdan l-Istitut tal-Logħob Diġitali u wieħed mill-imħuħ wara l-logħba, spjega li din ma kinitx tkun possibbli mingħajr il-Kunsill Malti għall-Arti, li ffinanzja din il-logħba.
Huwa spjega li din il-logħba tinkludi perspettiva differenti għal post familjari, hekk kif din titratta stejjer tan-nies, pereżempju fi żmien il-pesta.
Qal, “Jiġifieri inti meta tilgħabha se tkun fil-Belt Valletta, miexi minn post għal post, issegwi l-mistoqsijiet u l-clues li tagħtik il-logħba biex inti timxi minn lok fil-Belt Valletta għal post ieħor. Hija logħba b’tema storika, li għaliha għamilna riċerka fl-arkivji tal-Biblioteka, ir-Rabat. u anke fl-arkivji privati, u hija logħba li tittratta elementi fl-istorja tal-Belt Valletta.”
Daniel Vella temm jgħid li din il-logħba hija b’xejn għal kulħadd u se tkun aċċessibli fuq mobiles Apple u anke Android.
Il-logħba hija partikolarment immirata lejn dawk li għandhom għal qalbhom l-istorja, għal edukaturi li jridu jgħallmu b’modi innovattivi, lejn dawk li jridu jħarsu lejn il-belt kapitali minn perspettiva differenti, u lejn it-turisti li jżuru pajjiżna biex jieħdu togħma tal-istorja rikka tiegħu.