Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela attenda għall-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ Uffiċċju ta’ Rappreżentanza Ungeriża f’Malta, li jinsab fil-157, Triq l-Arċisqof, il-Belt Valletta, kważi erbgħin sena mit-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. L-Ungerija issa se tkun rappreżentata minn Charge d’Affaires, Dr Gabor Gyorivanyi, fid-dawl tal-kuntatti li dejjem qiegħdin jiżdiedu bejn Malta u l-Ungerija, żewġ pajjizi membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela llum kellu taħdidiet bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Ungeriż Peter Szijjártó. Iż-żewġ ministri ddikjaraw li d-deċiżjoni tal-Ungerija li tiftaħ uffiċċju ta’ rappreżentanza f’Malta turi l-impenn tal-Ungerija lejn Malta u l-valur qawwi marbut mar-relazzjonijiet Malta-Ungerija kemm issa kif ukoll fil-futur. Huma qablu li żvilupp bħal dan jiġi bħala riżultat tal-frott ta’ skambji politiċi, edukattivi u kulturali konsistenti. “Ir-relazzjonijiet tagħna kibru b’mod kostanti u stabbilixxew kuntatti eċċellenti bejn in-nies”, qal il-Ministru Abela.
Il-Ministru Szijjártó nnota li l-Uffiċċju tar-Rappreżentanza Ungeriża f’Malta se jaġixxi bħala pont bejn il-gvern tal-Ungerija u d-dijaspora tal-Ungerija għall-gvern u n-nies ta’ Malta. Huwa qal li madwar 3,000 Ungeriż huma residenti Malta u fl-2018 madwar 27,000 turist mill-Ungerija żaru Malta, b’żieda fl-għadd ta’ servizzi konsulari meħtieġa, li żżid aktar il-ħtieġa ta’ uffiċċju bħal dan.
Il-ministri skambjaw ukoll fehmiet dwar l-iżviluppi attwali fil-Mediterran, partikolarment fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani. Il-migrazzjoni u l-iżviluppi preżenti fl-Unjoni Ewropea ġew ukoll diskussa.
Ftehim Amministrattiv dwar il-Kooperazzjoni Diplomatika li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi ġie wkoll iffirmat miż-żewġ ministri. Seminars konġunti, konsultazzjonijiet bilaterali regolari dwar aspetti ta’ interess reċiproku, skambji u taħriġ tal-persuni fil-kamp diplomatiku huma fost l-inizjattivi li dan il-ftehim se jipprovdi. Il-Ministru Szijjártó irrimarka wkoll li Malta ġiet identifikata bħala waħda minn seba’ pajjiżi għall-istudenti Ungeriżi fejn se jistudjaw il-lingwa Ingliża. Il-Ministru Abela qal li dan huwa sinjal ta’ fiduċja fl-iskejjel tal-lingwa Ingliża f’Malta.
L-inawgurazzjoni tal-Ambaxxata Ungeriża ssegwi l-ahbar li kienet saret mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija Peter Szijjártó fi Frar li għadda, wara taħdidiet bilaterali mal-Ministru Carmelo Abela fejn huwa kien ħabbar it-twaqqif ta’ preżenza diplomatika Ungeriża f’Malta fl-2019.
Ritratti: MFTP