Ftit ġranet qabel il-festa tal-Għid, l-organizzazzjoni volontarja Ħamrun Ħanin ħassbet biex twassal il-ferħ ta’ din il-festa fost komunitajiet differenti fis-soċjetà tagħna. F’ċelebrazzjoni ta’ diversità u inklużjoni t-tfal tal-Ħamrun Spartans Football School of Excellence flimkien ma’ żewġ plejers mill-iskwadra tal-kbar tal-istess tim qattgħu nofs ta’ nhar mat-tfal tal-Iskola Primarja tal-Kulleġġ Benedittu f’Birżebbuġa.
Din l-iskola hija simbolu ta’ għaqda u inklużjoni, bi tfal minn 40 nazzjonalità differenti jgawdu l-vjaġġ edukattiv tagħhom flimkien. Magħhom ingħaqdu t-tfal Ħamruniżi fejn minkejja d-differenza fil-pajjiż tat-twelid jew l-ilsien li jitkellmu, il-lingwa tal-ballun hija waħda li tgħaqqad u tferraħ. Flimkien, it-tfal qattgħu ħin jilgħabu l-logħba favorita tagħom u tħabtu u ferħu flimkien bla distinzjoni ta’ kulur, twemmin jew lingwa.
Waqt din l-okkażjoni, il-plejers ta’ Ħamrun Spartans Elvis Mashike u Dodo Soares qasmu wkoll esperjenzi miż-żgħożija tagħhom meta, is-sitwazzjoni f’pajjiżhom, il-Kongo u Kape Verde, wasslithom biex ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jaħarbu minn pajjiżhom u jfittxu futur fl-Ewropa. Dan kien vjaġġ diffiċli, u mhux dejjem sabu min jilqagħhom, iżda t-tnejn li huma wasslu lit-tfal messaġġ ta’ fiduċja biex qatt ma jaqtgħu qalbhom quddiem l-isfidi meta verament jemmnu fejn iridu jaslu.
Fit-tmiem l-okkażjoni, it-tfal Ħamruniżi qassmu figolli lil uħud mit-tfal ta’ din l-iskola bħala rikordju ta’ dan l-avveniment.