Kellu għadd ta’ ħolm li xtaq li jwettaq. Simpatiku, gustuż, bil-għaqal, bi grinta kbira, u sportiv. Bħal blanzun fl-aqwa tiegħu ssielet mal-ħajja. Ma jaqta’ qalbu qatt. Ta’ karattru sod. Fil-fjur ta’ ħajtu ssielet bħal gwerrier, marda kiefra rari li tfaċċatlu ta’ ħames snin.
Dan huwa Jake Vella, li s-Sibt filgħodu fil-Knisja Parrokkjali, f’raħal twelidu, Birżebbuġa kienet iċċelebrata ħajtu, li matulha mess ħafna qlub.
Ħmistax-il sena li fihom xtaq jagħmel id-differenza speċjalment ma’ dawk li m’għandhomx vuċi. L-annimali kienu l-mimmi t’għajnejh.
“L-imħabba li kellu Jake lejn l-annimali, li kien isejħilhom dawk li m’għandhomx leħen, ifakkruna kif għandna nħobbu aħna, li ma nħobbux għax qed nippretendu li nieħdu xi ħaġa m’għand xi ħadd.”
L-ARĊISQOF CHARLES J. SCICLUNA
Jake Vella, li ma ħalla xejn jaqtalgħu qalbu, irnexxielu jgħaqqad pajjiż warajh. Ħadem favur il-paċi lejn għajru u ta’ madwaru.
“Ix-xewqat tiegħu kienu xewqat safja ta’ xi ħadd, ta’ żagħżugħ eternament żagħżugħ li jħobb u jixtieq li l-imħabba tkun il-qies ta’ kull wieħed u waħda minnha.”
L-ARĊISQOF CHARLES J. SCICLUNA
Flok beka xortih, Jake Vella minkejja l-kundizzjoni tiegħu kien determinat u ta’ ispirazzjoni għal kulħadd.
“Kien ta’ ispirazzjoni għal kulħadd għax kien iħobb l-isport ħafna ħafna, qatt ma qata qalbu, qatt ma kien jgħid li għax għandi kundizzjoni, kien jimmotiva lil ħafna nies, min jeqred għax għajjien, ma nistax jew ilni ġurnata xogħol, iħares lejn Jake u jitrennja.”
XANDRU GRECH
“Kien ta’ eżempju għal ħafna nies. Konna nammirawh ħafna kien jibqa jagħmel l-Isport b’determinazzjoni li jirbaħ, konna nibqgħu mistaġgħbin bid-determinazzjoni li kien ikollu, bil-posittivita kbira li kellu, l-eżempju li kien jagħti. Kellu valuri qawwijin”
ATLETA
“Jake kien ta’ ispirazzjoni għal ħafna nies, inkluż aħna l-mużiċisti. Jake kien fan kbir ta’ Kantera, fost artisti oħra Maltin u l-aħħar birthday tiegħu tajnih sorpriża billi morna l-isptar u daqqejnilu happy birthday flimkien miegħu wkoll.”
GEORGE BONELLO MINN KANTERA
“Jake kien ta’ ispirazzjoni għalina kollha. Id-determinazzjoni li kellu biex jitħarreġ anka fil-mużika u fil-vuċi, kienet xi ħaġa speċjali.” –
GILLIAN ATTARD
“Naħseb illum hija xhieda ta’ kemm Jake kien tfajjel maħbub. Jake kien ta’ ispirazzjoni għaliex minkejja l-isfidi li kien għaddej minnhom, kien mimli enerġija, pożittiv, altruwist u minflok jaħseb fih innifsu, dejjem jara kif se jgħin lil ħaddieħor. Jake huwa ta’ eżempju għalina lkoll.”
DR LYDIA ABELA
L-aħħar kliem ta’ Jake f’din il-ħajja ‘Grazzi Ma u Grazzi Pa’ jibqgħu minquxa f’qalb ommu Marouska u missieru Josie li tul ħajtu għamlu minn kollox biex jarawh kuntent. Għamlu sagrifiċċji kbar biex jakkumpanjaw f’dak kollu li Jake kellu bżonn.
“Nixtieq nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tas-sapport kbir, enormi li nista’ ngħid li tajtuna. Mindu qabditu l-kundizzjoni Jake, kulħadd dejjem kien warajna, min jidher u min ma jidhirx. Nirringrazzja minn qalbna, f’isem Jake wkoll għax żgur ngħidulkom grazzi, grazzi mill-qalb.”
“F’isem Jake, nixtieq nirringrazzja l-poplu Malti u Għawdxi, kienet amazing, il-ħajja tiegħu kienet diffiċli u n-nies għamluhielu faċli. Minn hawn nixtiequ nirringrazzjaw lil kulħadd, ma nixtieqx ninsa lil xi ħadd, grazzi lil kull min ġie llum għax għamlulu festa, kif jistħoqqlu.”
IL-ĠENITURI TA’ JAKE VELLA
Jake Vella jibqa’ mfakkar bħala dak it-tfajjel b’qalb tad-deheb, ottimist, mimli tama, altruwist u li se jibqa’ jispirana u jagħmlilna kuraġġ għal dejjem. Is-sliem Jake.