Wara 45 jum fl-uffiċċju, Liz Truss irreżenjat minn Prim Ministru tar-Renju Unit.
Truss se tkun l-Prim Ministru li lanqas li qatt damet f’din il-kariga fl-istorja tar-Renju Unit.
Fi stqarrija qasira li tat quddiem Downing Street f’Londra għal-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar, ħin Ingliż, Truss qalet li daħlet f’dan l-irwol fi żmien ta’ instabbillità ekonomika u dik internazzjonali.
Hija tennet li ma tistax twettaq il-mandat li bih ġiet eletta ftit ġimgħat ilu, f’elezzjoni interna li saret fi ħdan il-Partit Konservattiv.
Truss spjegat li nfurmat lill-Maestà Tiegħu r-Re Karlu Tlieta bir-riżenja tagħha.
“I came into office at a time of great economic and international instability… I recognize, given the situation I cannot deliver the mandate on which I was elected by the Conservative Party. I Therefore spoken to his Majesty the King to notify him that I’m resigning as leader of the Conservative Party.”
Bir-raġel tagħha maġembha, Liz Truss qalet li se tkun qed tibqa’ fl-irwol ta’ Prim Ministru sakemm tkun qed issir l-elezzjoni għall-mexxej tal-Partit magħruf bħala t-Tory sa tmiem il-ġimgħa d-dieħla.
Dan se jfisser li f’temp ta’ sena, ir-Renju Unit se jkun ra tliet Prim Ministri differenti. Boris Johnson li rreżenja f’Lulju li għadda, Liz Truss li ħabbret ir-riżenja tagħha llum u l-Prim Ministru l-ġdid li se jiġi elett fil-jiem li ġejjin.
“We’ve agreed that there will be a leadership election to be completed within the next week, this will ensure that we remain on a path to deliver our physical plans and maintain our country’s economic stability and national security. I will remain as Prime Minister until a successor has been chosen. Thank you.”
Dan kollu ġara wara pressjoni kbira li saret minn Membri Parlamentari tal-partit tagħha stess sabiex titfa’ r-riżenja tagħha.
L-inkwiet u t-triq għan-niżla ta’ Truss beda meta ħabbret il-mini-budget ix-xahar li għadda u li ħarbat is-swieq fir-Renju Unit. Ħaġa li ħolqot ukoll inċertezza kbira madwar il-pajjiż.
L-Erbgħa filgħaxija, Truss ħabtet wiċċha mar-riżenja tal-Ministru għall-Intern, u vot fil-House of Commons li ddetermina l-futur tagħha.
Dan il-mument, li żgur se jibqa’ mfakkar fl-istorja tar-Renju Unit, ġab ir-reazzjoni ta’ bosta. Fost dawn kien hemm il-Mexxej tal-Partit Laburista Ingliż li sejjaħ sabiex b’mod immedjat issir elezzjoni ġenerali. Jekk dan isir, l-elezzjoni tkun qed issir madwar sentejn qabel.
Mal-wasla tiegħu għas-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, Emanuel Macron qal kif ir-Renju Unit għandu bżonn issib stabbilità.
Din l-aħbar iddominat il-midja internazzjonali u kienu bosta li bdew bl-analiżi tagħhom ta’ min jista’ jkun is-suċċessur ta’ Truss.
F’fuq nett tal-lista qed jissemma’ Rishi Sunak, li kien il-kandidat rivali ta’ Liz Truss fil-kampanja elettorali għall-mexxej tal-Konservattivi f’Settembru li għadda.
Wara hemm Penny Mordaun u s-Segretarju tad-Difiża Ben Wallace.
Il-Ministru għall-Finanzi Jeremy Hunt, li wkoll kien qed jissemma’ bħala wieħed mill-favoriti qal li mhux se jkun qed jitfa’ ismu għal din it-tellieqa. Il-BBC semmiet bħala r-raba’ favorit lill-eks Prim Ministru Ingliż Boris Johnson.
Dan kollu se jfisser li Karlu Tlieta se jara l-ħatra tal-ewwel Prim Ministru minn mindu sar Re wara l-mewt ta’ ommu r-Reġina Eliżabbetta t-Tieni. Ta’ min isemmi kif ir-Reġina ħadmet ma’ ħmistax-il Prim Ministru differenti bl-aħħar waħda tkun Liz Truss.
Mal-aħbar li se tirriżenja l-Prim Ministru wara sitt ġimgħat fl-uffiċċju, l-Isterlina Ingliża ħadet daqqa l-isfel.