Il-Partit Laburista ħabbar sejħa ġdida għall-programm LEAD. Programm maħsub biex iżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, li issa se jkun qed jidħol fit-tielet sena tiegħu.
Waqt xandira fuq facebook page tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, immarka s-suċċess ta’ dan il-programm u ħeġġeġ iktar persuni jingħaqdu fi ħdanu.
“Fl-ewwel żewġ sejħiet LEAD ġibed lejn il-Partit Laburista u l-moviment tagħna għexieren ta’ persuni bi sfond, ħiliet u ħsibijiet differenti. Forsi l-ikbar test ta’ LEAD sa issa wasal fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda. Hemm stajna naraw kif ħejjew għal dawn l-elezzjonijiet il-parteċipanti… Ir-rata ta’ suċċess għal parteċipanti ta’ LEAD kienet waħda tajba ħafna, fejn kważi kull min ikkontesta kien elett,” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru ddeskriva l-programm LEAD bħala għodda importanti biex finalment tingħeleb l-isfida tal-bżonn ta’ iktar nisa fil-politika.
“Konvinti li hemm nisa ispirati mis-suċċess ta’ dawk in-nisa li diġa’ kienu parti mill-programm. Nemmnu li hemm persuni li qed japprezzaw iktar kemm għandhom x’joffru,” qal il-Prim Ministru li żied kif ħafna huma mħeġġa wkoll bil-fatt li llum qed jaraw gvern li bil-fatti qed jipproponi riformi favur l-ugwaljanza.
Waqt ix-xandira fuq facebook ħadet sehem il-koordinatriċi tal-programm, l-MEP Miriam Dalli u tliet parteċipanti. Miriam Dalli tenniet l-importanza ta’ dan il-programm u spjegat kif LEAD joffri esperjenza unika għal dawk imħajrin jidħlu fil-politika. “LEAD joffri opportunita lil nisa u tfajliet li dejjem xtaqu jkunu nvoluti fil-politika. Aktar ma jghaddi żmien aktar qed insibu tfajliet u nisa li jitħajjru minn parteċipanti oħra qabilhom u qed jinvolvu ruħhom fil-politika. Dan huwa LEAD, opportunita għal tfajliet u nisa li għandhom ħafna x’joffru f’pajjiżna.”
L-applikazzjonijiet ta’ LEAD jitniżżlu minn fuq lead.org.mt u għandhom miftuħa sa 6 ta’ Settembru.