Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana llum indirizzat sessjoni ta’ konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li saret f’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li dawn is-sessjonijiet qiegħdin isiru sabiex tinħoloq strateġija effettiva b’miri ċari u pjan ta’ azzjoni konkret biex nagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Hija qalet li llum spiċċa ż-żmien li niddeċiedu meta niġu bżonn, imma l-Gvern qiegħed jaħseb għal pjan matul is-snin li ġejjin sabiex permezz ta’ ħidma bejn diversi Ministeri u Segretarjati Parlamentari jissaħħu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità filwaqt li jiġu indirizzati d-diffikultajiet varji tagħhom li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum.
Hija tkellmet ukoll fuq l-importanza tal-kontribut tal-istakeholders kollha għal din il-konsultazzjoni għax l-objettivi ta’ din l-istrateġija jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ ħidma konġunta u kollaborazzjoni bejniethom.
Fid-diskors tagħha, hija semmiet li f’Għawdex f’din l-aħħar sena saret rivoluzzjoni sħiħa f’dan il-qasam permezz ta’ proġetti ġodda għall-Għawdxin. Infetaħ Learning hub li ta’ kuljum jilqa’ fih persuni b’diżabilità għal diversi attivitajiet u huwa post mimli ħajja u li qed jagħti t-tama lil ħafna persuni. Għall-ewwel darba sar proġett ta’sheltered employment li qed isir mal-Korporazzjoni għat-Taħriġ u x–Xogħol, u għall-ewwel darba qiegħda topera l-Aġenzija Sapport f’Għawdex bi klijenti li qed jibbenefikaw mis-servizzi professjonali tagħha. Qalet ukoll li fejn jidħlu s-servizzi fil-komunità dawn qed inżiduhom ukoll. Fost proġetti oħra semmiet ukoll l-introduzzjoni tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kommunikazzjoni u l-korsijiet li qed tagħmel fit-teknoloġija tal-Informatika.
Fit-tieni fażi tal-Proġett tal-Learning hub, ser tinfetaħ sezzjoni għall-FITA, u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità wara li bdew joperaw f’Ta’ Sannat. Is-Segretarju Parlamentari semmiet ukoll li mill-estenzjoni sal-Hub ser ikun hemm sezzjoni għall-fergħa ta’ Special Olympics Gozo, li għandha diġà madwar 40 atleta rreġistrati u li qiegħdin jitħargu fl-isport.
Fi kliem is-Segretarju Parlamentari, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva , iffinanzja wkoll kors dwar il-lingwa Maltija tas-sinjali organizzat mill-GozoAssociation for the Deaf li għalih ipparteċipaw numru sabiħ ta’persuni.
Dwar l-impjieg għall-persuni b’diżabilità, hija qalet li diġà ġew identifikati l-ewwel persuni li se jibdew jaħdmu mal-MaltaPost f’xogħol ta’ document scanning ta’ dokumenti tal-Gvern, u għalhekk minn hawn u ftit ieħor ser jibda l-proġett ta’ 80 post tax-xogħol għall-persuni b’diżabilità Għawdxin f’Għawdex stess.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet billi semmiet d-dar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità ġewwa r-Rabat Għawdex, fejn il-Ġimgħa d-dieħla ser jibdew l-Open Days biex familjari ta’ persuni b’diżabilità jkunu jisgħtu jżuru din id-dar.
Għal din il-laqgħa attendew numru sabiħ ta’ persuni b’diżabilità, ġenituri, aħwa u nies involuti fis-settur li taw ukoll l-kontribuzzjoni tagħhom.