It-tfal u s-sorijiet tal-Orsolini li jieħdu ħsiebhom f’Angela House, fi Gwardangia, ilkoll jiċċelebraw il-Milied bit-tradizzjonijiet tagħhom.
Jibdew b’quddiesa lejlet il-Milied, u f’nhar il-Milied, jiftħu r-rigali, qabel jingħaqdu fis-sala għall-ikla tradizzjonali tal-Milied.
Tkellimna mal-Madre tad-dar, Sr Georganne mill-raħal Għawdxi tax-Xagħra, li tkellmet magħna dwar l-imħabba li ma tafx limitu li għandhom lejn it-tfal fi ħdan id-djar tagħhom. Dan filwaqt li tat ħarsa lejn kif iqattgħu l-ġurnata flimkien mat-tfal – li l-età tagħhom tvarja bejn trabi tat-twelid, u tnax-il sena.
“Inqattgħuh flimkien, is-sorijiet u t-tfal, ninġabru flimkien għall-ikla ta’ nofsinhar, u nippruvaw inferrħu l-xulxin kemm jista’ jkun.”
SR GEORGANNE
Hija żiedet tispjega l-attivitajiet li huma jagħmlu flimkien – bħalma tagħmel kull familja.
“Nużaw is-sala għax in-numru jkun kbir. Lit-tfal nippreparawlhom ir-rigali taħt is-siġra tal-Milied – bħal kull familja, jiftħu r-rigali, jieħdu gost u nieklu flimkien. Bħal-lejla jkollna l-Quddiesa ta’ billejl, fit-tmienja ta’ filgħaxija, anke jieħdu sehem fit-tfal, anke sakemm jitpoġġa fil-maxtura.”
SR GEORGANNE
Żiedet tesprimi, kif huma jaqsmu l-ferħ tagħhom ma’ Ġesù Bambin – li wara kollox hija l-festa li tiċċelebra t-twelid tiegħu.
“Nieħdu xi ħaġa żgħira flimkien, biex inkomplu naqsmu l-ferħ li jagħtina Ġesù Bambin u bħal għada nieklu flimkien u nkomplu b’attivitajiet sbieħ, kant u affarijiet hekk.”
SR GEORGANNE
It-tħejjijiet f’dawn id-djar, jibdew sa minn Diċembru, u ma jsirux biss mis-Sorijiet, iżda wkoll mit-tfal, li jieħdu pjaċir jagħtu daqqa t’id.
“Nibdew mill-bidu ta’ Diċembru, narmaw id-dar, f’kull appartament tat-tfal. Huma jarmaw is-siġra, it-tiżjin relatat mal-Milied u l-Presepju li għandna isfel. Tara xi tifel inewwillek xi ġebla, u jieħdu interess dwar kif jintrama dan il-Presepju.”
SR GEORGANNE
Temmet tgħid kif is-sentiment ikun wieħed ta’ entużjażmu u ferħ.
“Sentiment ta’ ferħ, li tarahom eċitati, biex jagħmlu s-siġra u jistaqsu. Dak l-entużjażmu ta’ ferħ.”
SR GEORGANNE