Kapitlu Tlettax, il-grupp tal-hip-hop Malti li dejjem ifittex modi ġodda biex jixpruna l-lingwa Maltija, qed iniedi uffiċjalment l-ewwel kanzunetta oriġinali tiegħu għall-2025, bl-isem ta’ ‘Tibqax Tgħix fil-Passat’.
Il-kanzunetta miktuba minn Joseph u Liston tispikka għall-emozzjonijiet qawwija u tkompli tikkaratterizza l-mużika tagħhom b’mod profond.
Permezz ta’ din il-kanzunetta, il-grupp ħares lejn għadd ta’ stejjer reali li jgħaddu minnhom in-nies inġenerali, għax titkellem dwar l-isfidi li familji jgħaddu minnhom waqt separazzjoni u divorzju, kif ukoll l-ansjetà li jħossu l-ommijiet, il-missirijiet u t-tfal meta jaraw ħajjithom tinbidel.
Twassal ukoll messaġġ ta’ tama u qawwa, tgħid li mhux tajjeb li wieħed jgħix fil-passat, iżda għandu jħares lejn il-futur.
Wieħed mill-kittieba enfasizza r-rieda li kien hemm biex tinħoloq xi ħaġa li tista’ b’mod dirett tindirizza lil dawk li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli.
“Din il-kanzunetta hi dwar il-familji li jgħaddu minn dawn l-isfidi u nisperaw li jistgħu jaraw lilhom infushom fil-lirika tagħna,” qal Joseph.
Liston ukoll esprima l-ħsibijiet tiegħu fejn saħaq li “wara l-maltemp, hemm il-bnazzi u anke jekk le, trid tagħmel l-almu tiegħek biex timxi ’l quddiem.”
Segwi l-kanzunetta hawn: