L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u tas-Sidien tar-Ristoranti, l-MHRA, qed tistma rkupru tajjeb għas-settur turistiku matul dan is-sajf.
B’reazzjoni għall-fatt li r-Renju Unit poġġa lil Malta fil-lista l-ħadra biex b’hekk dawk li jaslu biċ-ċertifikat tal-vaċċin ma jkollhom l-ebda obbligu ta’ kwarantina, l-MHRA fissret dan l-iżvilupp bħala wieħed importanti meta wieħed iqis kemm ir-Renju Unit huwa suq importanti fis-settur turistiku ta’ pajjiżna.
Qalet li wieħed jistenna li jiżdied in-numru ta’ nies mir-Renju Unit li jagħżlu li jibdew jaqtgħu l-iljieli fil-lukandi fost oħrajn f’pajjiżna.
L-MHRA qalet li dan hu riżultat li jixraq għall-ħidma mwettqa mill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa u faħħret lil Gvern għall-amministrar tal-pandemija u kif ħoloq bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.
L-MHRA saħqet li din hija storja ta’ suċċess iżda wieħed ma jistax jinsa l-isfidi li għadhom preżenti u wieħed għandu jibqa’ jibża’ għas-sitwazzjoni tajba miksuba bħalissa b’rabta mal-imxija.
Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li qed naraw id-dawl fl-aħħar tal-mina u issa huwa ż-żmien li naħdmu għal qasam tant importanti għall-ekonomija Maltija, dak tat-turiżmu.
https://www.one.com.mt/2021/06/24/kull-min-jigi-fmalta-mir-renju-unit-irid-jipprezenta-c-certifikat-tal-vaccin/