Il-finalista ta’ X Factor Malta, il-kantawtriċi Lisa Gauci nediet l-ewwel kanzunetta tagħha bl-isem ta’ ‘Lovers’.
L-artista ta’ 16-il sena, Lisa Gauci, serqet il-qlub ta’ bosta mill-ewwel waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ X Factor Malta. L-avventura tagħha waqt dan il-programm ta’ età żagħżugħa kienet waħda stupenda hekk kif serqet ix-xena u l-attenzjoni tal-udjenza permess tal-prestazzjoni tagħha li tat fejn saħħret lill-udjenza bit-talent naturali tagħha, il-vuċi.
Lisa nediet l-ewwel kanzunetta tagħha, ‘Lovers’, li hi kanzunetta ballad moderna li tirrakkonta dwar kif wieħed isib u anke jesperjenza dak kollu li ġġib magħha relazzjoni ta’ età żgħira. Il-kanzunetta hi miktuba minn Lisa stess flimkien ma’ Ivan Grech (Winter Moods) u Matt Muxu Mercieca, filwaqt li l-mużika kkomponiha Cyprian Cassar. ‘Lovers’ hi kanzunetta dwar l-emozzjonijiet u kif wieħed iħossu; il-kuntentizza u li wieħed iħossu aċċettat; kif ukoll l-uġigħ u l-qsim il-qalb ta’ meta wieħed jiġi mwarrab.
‘Din hi biss togħma ta’ dak li hi kapaċi twettaq Lisa u ta’ dak li hu ġej fil-karriera mużikali tagħha,’ qal Ivan Grech, li ggwidaha waqt X Factor Malta. ‘Għandha biss 16-il sena, iżda għandha talent mill-aqwa. Kultant tul ħajjitna, niltaqgħu ma’ djamant rari bħal Lisa, talent uniku li jispikka, Lisa hija mużikalment matura ferm aktar mill-età tagħha.’
Lisa Gauci hi kantawtriċi kif ukoll pjanista. Studjat b’mod professjonali l-pjanu u l-mużika għal dan l-aħħar sitt snin, flimkien maz-zija tagħha, pjanista magħrufa, Charlene Farrugia. Il-kowċ tal-kant tagħha hija Gillian Attard minn La Voix. L-artwork tad-diska ‘Lovers’ kien magħmul minn Mia Gauci.