Bil-wasla tal-Covid-19, u l-miżuri ta’ prevenzjoni li qed jittieħdu f’Malta, Liquigas Malta qed tiggarantixxi provvista ta’ gass (LPG) permezz tal-faċilità LPG li tinkludi terminal ta’ importazzjoni mill-baħar, kif ukoll impjant għall-ħażna u l-mili taċ-ċilindri f’Bengħisa.
Fi stqarrija l-kumpanija qalet li minkejja dawn l-isfidi, Liquigas se tkompli twassal servizzi ta’ kwalità lill-klijenti kollha sal-għatba tal-bieb tagħhom, filwaqt li tirrispetta l-linji gwida tal-awtorità tas-saħħa li kienu implimentati dan l-aħħar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Liquigas, Roberto Capelluto, qal: “Bis-saħħa tal-investiment sinifikanti f’Malta, Liquigas Malta tista’ tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista, anke matul perjodu diffiċli bħal dan, u tibqa’ tkun f’pożizzjoni, permezz tal-organizzazzjoni tagħha, li twassal l-ordnijiet u tilqa’ t-talbiet kollha, kemm għal ċilindri, kif ukoll għal bejgħ bl-ingrossa (bulk sales).”
Paul Agius Delicata, Kap Eżekuttiv ta’ Gasco Energy, il-kumpanija responsabbli għall-operat tal-impjant f’Bengħisa, qal: “Kull ċilindru aħdar issiġillat ta’ Liquigas qed jinħasel u mbagħad ikun diżinfettat b’kimika speċjali li telimina l-virusis u l-batterji kollha. Dan qed isir biex dejjem aktar niżguraw is-sigurtà tal-klijenti, tal-impjegati u tad-distributuri.”
Liquigas toffri għajnuna 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, permezz tal-linja telefonika 2165 1661/2/3/4/5 li hi ddedikata għall-klijenti. Aktar tagħrif jinsab fuq www.liquigasmalta.com u fuq il-paġna facebook ta’ Liquigas.