Dak li jagħmel pajjiżna uniku mhuwiex biss l-ikel jew il-kultura iżda anke id-dehra, ta’ kif jidhru l-ibliet u l-irħula tagħna. U huwa propju hawn fejn il-poplu irid jagħti sehmu biex l-propjetà tiegħu tikkumpliment karatteristiċi tal-lokalitajiet tagħna.
Fl-isfond li f’dan iż-żmien dak li jkun ifittex ilesti xogħol marbut mad-dar, One News stħarreġ dwar x’inhuma l-linji gwida għad-dehra tal-faċċati tad-djar.
Fil-jiem tas-sajf dak li jkun jieħu l-opportunità biex iwettaq li ma jkunx jista’ jsir fix-xhur xitwin, bħat-tisbieħ tal-faċċata tad-dar. U propju hawn fejn l-Awtorità tal-Ippjanar għandha sehem ewlieni.
Kien is-sena li għaddiet li l-Awtorità ħarġet linji gwida biex dak li jkun jimxi magħhom u jara li l-bidliet li se jagħmel mal-faċċata jikkumplimentaw il-karatteristiċi Maltin.
Ma’ One News, Victor Sladden, assistant direttur għas-servizzi tal-iżvilupp spjega kif min-naħa tal-Awtorità isir assessjar tal-applikazzjoni mressqa.
Il-kuluri jvarjaw skont iż-żona – eżempju f’żona urbana fil-qalba tal-irħula isir enfasi li l-faċċata tkun fuq il-ġebla Maltija u użu ta’ kuluri primarji bħal aħmar blu u aħdar skur.
Sladden stqarr li hemm każijiet li nħoloq stil li kien suċċess.
Dan fl-istess waqt li jsir enfasi biex ma jintużawx kuluri jgħajtu. Minkejja li hemm dawn il-linji gwida issib min jagħmel xi ftit ta’ rasu u hawn l-Awtorità tal-Ippjanar hija fil-poter li tieħu azzjoni.
Iver Robinich assistent direttur tal-infurzar stqarr kif quddiem ċerti każi, l-Awtorità tfittex li tagħmel il-moniteraġġ tas-sitwazzjoni kif ukoll tisma’ ir-rapporti tan-nies.
F’każi fejn faċċati jispikkaw minn oħrajn, Robinich qal li l-Awtorità għandha dmir li tintervjeni.
Għalhekk , jekk għadek ma ddeċiedejt x’kulur ħa tiżbogħ il-faċċata tajjeb li tagħti ħarsa lejn il-linji gwida biex eventwalment ikollok faċċata li tikkumplimenta karatteristiċi ta’ pajjiżna.