Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jitħabbru aktar linji tal-ajru barranin li jibdew itiru lejn pajjiżna, b’żieda wkoll fir-rotot disponibbli anke barra l-Unjoni Ewropea għall-Maltin u l-Għawdxin. Dan għandu l-għan li jżid it-turiżmu fix-xitwa.
Minbarra hekk, ukoll mistennija jiżdiedu ċerti frekwenzi fuq rotot diġà eżistenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, ta ħjiel ta’ dan wara li attenda għal diversi laqgħat fil-Bahrain, flimkien ma’ rappreżentanti oħrajn tal-awtorità u anke mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Micallef qal li, fil-laqgħat, tkellmu ma’ diversi kumpaniji tal-ajru biex tkompli tiġi assigurata l-aqwa konnettività tal-ajru għal pajjiżna u, fil-ġimgħat li ġejjin, mistennija jitħabbru r-riżultati li nkisbu.