Kumpaniji tal-Gaming li qed joperaw f’pajjiżna se jingħataw linji gwidi ġodda b’rabta ma’ reklamar hekk kif twaqqaf Kumitat ġdid li se jkun qed jevalwa ir-rapporti li jsiru. Dan tħabbar mill-Awtorità Maltija għall-Logħob.
Ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Heathcliff Farrugia, spjega li din l-inizjattiva hi importanti ferm għall-Awtorità. Bil-linji gwida, l-MGA se tkun qed tieħu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsmu ma’ reklamar, fosthom anke dwar liġiijiet riċenti.
“F’dawn il-linji gwida qed nagħtu aktar dettall fuq kif għandu jsir ir-reklamar f’dan is-settur kemm għall-operaturi li għandhom il-liċenzja mal-mga kif ukoll kumpaniji li qed joffru servizz ta’ reklamar lil dawn il-kumpaniji.”
Farrugia qal kif twaqqaf ukoll Kumitat li se jkun qed jevalwa r-rapporti kollha sabiex b’hekk jiġi stabbilit jekk kienx hemm ksur ta’ liġijiet fost oħrajn.
“Barra minn hekk ukoll li għamilna hu waqqafna kumitat u dan il-kumitat qed jevalwa u jiddeċiedi fuq ir-rapporti li nirċievu li jkun hemm rapport li xi ħadd minn dawk li għandhom il-liċenzja tal-mga qiegħed jikser waħda jew uħud minn dawn il-liġijiet.”
Farrugia temm jgħid li dan il-Kumitat se jkollu s-setgħa jiddeċiedi kemm fuq multi kif ukoll jekk ikunx hemm bżonn li tiġi revokata l-liċenzja tal-kumpanija li jkun hemm rapport dwarha.