Wara li l-Gvern introduċa numru ta’ miżuri li qed jinkoraġġixxu iktar nisa jerġgħu jidħlu lura fis-suq tax-xogħol, l-Awtorità tal-Ippjanar ippublikat dokument ta’ gwida aġġornat tal-ippjanar għall-użu tal-art sabiex iwieġeb għad-domanda dejjem tikber minn ġenituri għal iktar faċilitajiet ta’ child care.
F’dan id-dokument il-kunsiderazzjonijiet ewlenin tal-ippjanar għall-użu tal-art jaqgħu fi tliet oqsma tematiċi: is-sit, l-adegwatezza u d-daqs tal-binja, u l-impatt potenzjali fuq il-ġirien.
Biex tkun enfasizzata l-importanza li l-faċilitajiet taċ-child care, li kull ma’ jmur qed isiru iżjed importanti għas-servizzi tal-komunita’ li jagħtu support lill-familji, l-policy tippromwovi li dawn il-faċilitajiet se jkunu mqiegħda fiż-żoni residenzjali jew employment hubs bħaċ-ċentri tal-ibliet, żoni industrijali, parks tal-mikro-intrapriżi, żoni turistiċi u żoni ta’ divertiment. B’dan il-mod tkun aktar faċli għall-ġenituri li jaħdmu biex ikollhom aċċess viċin il-post tax-xogħol tagħhom.
Binjiet eżistenti fil-kampanja jistgħu jkunu kkunsidrati wkoll xierqa għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet ta’ child care la darba l-binja ma tkunx wisq ‘il bogħod mill-qasam urban u tkun diġa’ qed tagħmel użu minn netwerk ta’ toroq.
Minħabba l-preżenza ta’ tniġġis kimiku u storbju mhux mixtieq, kif ukoll riskju iktar għoli ta’ inċidenti tat-traffiku, il-linji gwida mhux ser jikkunsidraw favorevolment faċilitajiet ta’ child care f’toroq arterjali jew toroq traffikużi ħafna.
Minn perspettiva ta’ użu tal-art, il-policy tikkunsidra djar, maisonettes u djar detached f’postijiet adattati bħala xierqa għall-użu ta’ faċilitajiet ta’ child care, dejjem jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din il-policy. Barra minn hekk, proprjetajiet detached jista’ jkollhom vantaġġ ikbar minħabba li probabbli jkunu jistgħu jipprovdu post fuq barra għal-logħob, kif ukoll għall-parkeġġ.
Sabiex tkun protetta ż-żona tal-madwar u l-impatt li dawn il-faċilitajiet jista’ jkollhom fuq il-ġirien, binjiet li jaqsmu l-aċċess tagħhom ma’ blokka flats, mhux se jkunu kkunsidrati xierqa. Kull proposta ta’ faċilita’ għal child care, ser ikollha tassigura li tkun aċċessibbli għal kulħadd, inkluż persuni b’diżabiltà u dawk b’diffikultà ta’ mobilità.
Sabiex ikunu assigurati proviżjonijiet ta’ parkeġġ adegwat u jitnaqqas l-impatt fuq il-ġirien ta’ biswit, il-linji gwida jikkategorizzaw l-proporzjon tal-impatt/skala f’erba’ livelli.
Il-policy tiddetermina li m’hemmx impatt f’faċilitajiet home-based (sa sitt itfal), impatt baxx għal faċilitajiet sa 100m2, impatt medju għal facilitajiet ta’ bejn il-100 u 180 m2, u mpatt sinifikanti għal faċilitajiet ta’ iktar minn 180m2.
Il-policy tisħaq ukoll dwar jekk bini hux ikkunsidrat adegwat jew le għal faċilitajiet ta’ child care u ser ikun evalwata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Il-Ministeru ser jiddetermina wkoll in-numru massimu ta’ tfal flimkien man-numru korrispondenti ta’ carers li jista’ jkollhom dawn il-faċilitajiet.