Fid-Djar tal-Anzjani mmexxija mill-Knisja f’Malta u Għawdex hemm residenti fihom 490 anzjan u anzjana, filwaqt li hemm madwar 330 impjegat fihom u għalhekk inħass il-bżonn li jkunu ppubblikati linji gwida etiċi dwar il‑kura tal‑anzjani li jenfasizzaw id‑dritt għall‑ħajja, il-protezzjoni xierqa u l‑iżvilupp tal‑ħajja sal‑aħħar stadji tagħha.
Dan id-dokument, hu mħejji minn grupp ta’ esperti fosthom fl‑etika, fejn anke jisħaq fuq id‑dmir taċ‑ċittadini sabiex jippromwovu d‑dinjità tal‑persuni anzjani u jirrispettaw il‑qdusija tal‑ħajja umana mill‑mument tal‑konċepiment sal‑mewt naturali.
Il‑ko-awtur tal‑linji gwida u espert ewlieni fil‑bijoetika, Mons. Prof. Emmanuel Agius, semma kif fost oħrajn, l‑anzjani għandhom ikunu ħielsa minn kull sfruttament, u abbuż fiżiku jew mentali.
“Huma gwidi mportanti ħafna għaliex l-anzjani residenti tagħna tal-Knisja u anke fl-istat u tal-privat, għandhom jiġu trattati b’mod dinjituż għaliex il-ħajja tal-bniedem ma tiddependix mid-tbatija jew inkella x’jiffunzjona jew x’jagħmel, imma għandu dinjità inerenti.”
Mons.Prof. Emmanuel Agius, Koawtur linji gwida
L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal kif fost l-oħrajn, l-anzjani tagħna m’għandhomx ikollhom ħajjithom sempliċiment imtawwla, imma onorata, imħarsa u ċċelebrata f’ambjent ta’ kura li mhux biss iżid is‑snin lill‑ħajja, iżda b’mod aktar deċiżiv ħajja lis‑snin.
“L-isforz li sar huwa li aħna dejjem nibbażaw fuq id-drittijiet umani li huma ugwali għal kulħadd u fuq ir-raġuni umani. Meta qed ngħidu fuq prinċipji etiċi, qed ngħidu fuq dawk il-prinċipji li l-bniedem jirrispettaw lid-dinjità tiegħu u jgħinuh jgħix aħjar. Jiena naħseb li fuq dawn il-prinċipji, is-soċjetà’ għandha issib qbil u anke rikonoxximent.”
l-Arċisqof Charles Scicluna
Tkellmu wkoll Dr Antoine Vella, kif ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, fejn semmew kif anke ċerti affarijiet jistgħu jsiru fil-homes biex ċertu kura tingħata hemm stess u jnaqqsu l-ġiri lill-anzjani.