Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena saru tmienja u tletin adozzjoni – erbgħa u tletin mill-Indja u erbgħa mill-Islovakkja.
Bil-għan li l-operat fil-proċess tal-adozzjoni għal kull koppja li tixtieq tadotta jitjieb, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien tat-Tfal fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, nediet sett ta’ standards maħsuba li jħarsu aktar id-drittijiet tat-tfal.
Dan fl-istess waqt li jservu ta’ linji gwida għall-ġenituri prospettivi.
Dawn l-istandards se jgħinu wkoll lill-aġenziji akkreditati tal-adozzjoni, u kienu deskritti minn bosta rappreżentanti ta’ aġenziji akkreditati f’pajjiżna bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.
Il-Ministru Michael Falzon fakkar u tenna fil-ħidma tal-Gvern fil-qasam soċjali.
Qal li l-Gvern qed jiffaċilita l-proċess tal-adozzjonijiet, fl-interess tat-tfal u tal-familji li jaddotaw, billi fost l-oħrajn qed jagħti €10,000 lil kull min jadotta tfal minn barra ‘l pajjiż, biex jittaffew xi ftit mill-piżijiet ta’ min jidħol għal responsabilità b’passjoni, dedikazzjoni u mħabba.