Permezz ta’ riċerka mħejjija minn riċerkaturi f’Bari, fl-Italja, kif ukoll dawk fi ħdan il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija – l-MCAST – ġew ippubblikati tliet fuljetti ta’ linji gwida li se joffru metodi li permezz tagħhom il-bdiewa jkunu jistgħu jipprevjenu u jikkontrollaw attakki ta’ insetti differenti fuq is-siġar u l-pjanti tagħhom.
L-ewwel tliet linji gwida jiffukaw b’mod partikolari fuq is-siġar taż-żebbuġ u d-dwieli, kemm tal-għeneb tal-għasir kif ukoll dak magħruf bħala tal-mejda.
Id-Direttur tal-Agrikoltura, Marco Dimech, li spjega kif dan il-vjaġġ ta’ riċerka ilu għaddej għal dawn l-aħħar sentejn u qed joffri soluzzjonijiet aktar sostenibbli bl-inqas użu possibbli ta’ pestiċidi.
“Il-mard iġib ruħu b’mod differenti hawn Malta. Pereżempju, ċerti insetti li jattakkaw il-pjanti ġewwa l-Italja jimmanifestaw ruħhom b’ċertu mod, Malta jimmanifestaw ruħhom mod ieħor. Pereżempju, il-klima sħuna li għandna jippermetti li jkun hemm iżjed ċikli ta’ ċertu mard. Allura, l-attakki jistgħu jkunu ħafna iżjed b’saħħithom milli jkun hemm f’ċerti reġjuni fl-Italja. Allura, permezz ta’ din ir-riċerka qed nifhmu naqra iżjed kif qed jimmanifesta ruħu ċertu insett b’ċertu mard u kif nistgħu nikkontrollawh.”
Permezz ta’ din ir-riċerka se titnieda wkoll pjattaforma virtwali li kapaċi tbassar meta jkun aktar possibbli li l-insett jattakka l-prodott tagħhom. Dan huwa possibbli għax mir-riċerka ħareġ biċ-ċar li t-temp u l-klima għandhom influwenza partikolari.
Il-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura, Anton Refalo, sostna li r-riċerka hija pilastru importanti li jkompli jmexxi ’l quddiem is-settur tal-agrikoltura.
“Lill-bidwi qed nagħtuh guidelines kif jista’ jipprevjeni milli jsir il-mard u fl-istess ħin ukoll qed nagħtuh app importanti li biha hu jkun jista’ jbassar minn qabel l-insetti li se jattakkaw l-uċuħ tiegħu. B’hekk ikun jista’ wkoll jipprevjeni dak li jista’ jiġri.”
Il-Ministru Refalo temm jgħid li dan il-proġett, li sar b’investiment ta’ żewġ miljun ewro, se jkompli jsaħħaħ il-katina tal-ikel f’Malta, b’mod partikolari fid-dawl tal-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna.