Il-Gvern u SportMalta nedew linji gwida li se jagħmluha possibbli biex l-atleti jirritornaw lura għat-taħriġ fid-dixxiplini tagħhom.
F’konferenza tal-aħbarijiet fix-shooting range f’Ta Kandja ntqal li dawn il-linji gwida se jiżguraw l-inqas riskju possibbli ta’ infezzjoni mill-Covid-19 meta jkunu qegħdin jipprattikaw l-isport tagħhom.
Fost oħrajn, l-atleti ma jistgħux jitħarrġu fi gruppi ta’ iżjed minn 6, u l-grupp irid jinkludi wkoll il-kowċ f’distanza ta’ minn tal-inqas żewġ metri.
Il-linji gwida jispeċifikaw ukoll li l-unika sport li se jitħalla jsir taħriġ tiegħu huwa dak li ma jinvolvix kuntatt ma’ persuni oħra.
Fuq il-post mhux se jkunu permessi iżjed minn persuna waħda f’kull għoxrin metru kwadru ta’ spazju, u persuni ma jistgħux jissellfu apparat ta’ ħaddieħor.
Iċ-chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li nħoloq pjan t’għajnuna għall-klabbs milquta ħażin ferm mill-pandemija li se jiġi attwat fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li l-atleti se jibbenefikaw minn titjib li sar fil-postijiet kollha amministrati minn SportMalta.
Huwa qal: “Mill-ġranet li ġejjin ħa jibdew jinfetħu għall-atleti. Dan huwa pass importanti għax l-atleti tagħna ma jistgħux ikunu ta’ żvantaġġ ma’ atleti oħrajn fl-Ewropa u fid-dinja fejn nafu li l-atleti ġa bdew jitħarrġu.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal li b’dawn il-linji gwida bdiet triq pass pass lejn in-normalità.
L-Onor. Grima sostna: “Aħna rajna li fejn huwa possibbli fejn ir-regolamenti tas-saħħa jippermettu jkollna dak kollu li huwa neċessarju sabiex bħala SportMalta nkunu nistgħu naħdmu id f’id mal-bqija tas-settur sportiv u nawgura li nibdew it-triq li twassalna lura għal dik li hija normalità.”