Fl-aħħar għaxar snin ħmistax-il mara nqatlu f’inċident ta’ vjolenza domestika waqt li ħmistax fil-mija tan-nisa f’Malta ta’ ‘l fuq minn ħmistax-il sena ġarrbu vjolenza fiżika jew sesswali mis-sieħeb jew mill-qraba tagħhom. Każijiet u delitti ta’ vjolenza domestika, li issa l-midja għandha gwida ċara ta’ kif tirrapportahom.
Dan hekk kif il-Kummissjoni għal Vjolenza domestika ppubblikat sbatax-il linja gwida bil-għan li ma jsir ebda rappurtaġġ ambigwu dwar dawn il-każijiet u ma jagħti ebda tort lill-vittma.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Joanne Spiteri, qalet li l-linji gwida għandhom japplikaw ukoll għal produtturi tad-drama f’pajjiżna.
sfortunatament qiegħdin naraw ukoll li fid-drama hemm dan il-portrayal ta’ domestic violence. u n-nies minħabba li jsegwu ħafna u għalihom x-xandir huwa ta’ role model kemm il-preżentaturi kif ukoll l-atturi, qiegħdin naraw kemm l-atturi li kważi daħlu fid-dar tagħna, importanti li l-producers ikunu sensittizati ta’ kif ipenġu xeni bħal dawn.
Il-linji gwida jindirizzaw ukoll sfidi li s-soċjetà Maltija ma tħosshiex komda tiddiskuti, kif spjegat il-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli.
Fejn qiegħdin nagħtuhom dawn il-linji gwida kif huma għandhom jimxu, aħna ma nipretendux għaliex lanqas hu possibbli li kull dar tal-midja jkollha persuna fuq hekk, iżda kif kull reporter u ġurnalista jistà f’moħħu jkollu dan il-kunċett li meta qed tinvestiga tħares ukoll mill-perspettiva li jistà jkun hemm vjolenza abbażi ta’ ġeneru f’dik il-kwistjoni li qed tirrapporta.
Il-linji gwida jsostnu li l-midja m’għandhiex tirrapporta każijiet ta’ vjolenza domestika bi frażijiet bħal diżgwid fil-familja, iżda li tuża l-frażi ġusta li tiddeskrivi d-delitt jew l-inċident li jkun seħħ bħala vjolenza sesswali jew stupru.