Il-lingwa Maltija kif tista’ tintuża biex tkun aktar inklużiva? Dak li qed niktbu huwa aċċessibbli għal kulħadd?
Dawn id-domandi ġew indirizzati f’konferenza bit-tema ‘Niktbu għal Kulħadd’, organizzata mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta flimkien mad-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar tal-Università ta’ Malta.
Fost dawk li attendew kien hemm il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli, li qalet kif il-ħidma għandha tkun biex nilħqu lil kulħadd b’lingwaġġ ċar u aċċessibbli, u b’mezzi differenti.
L-Uffiċjal tal-Lingwa fir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, David Schembri tenna l-importanza li l-lingwa tkun inklużiva għal kulħadd, anke għal dawk neqsin mis-smiegħ u d-dawl.
Qal, “Bil-mod kif nużaw il-lingwa nistgħu nkunu aktar inklużivi biex meta nitkellmu u f’dak li nippreżentaw, kemm jista’ jkun naħsbu f’udjenza usa’ li kemm jista’ jkun ma neskludux u b’dak li nuruh jarawh ukoll.”
Romario Sciberras li qed jagħmel ir-riċerka tiegħu fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti, tkellem magħna dwar it-taħdit inklużiv fil-Malti.
Qal, “Se nitkellem fuq il-lingwaġġ newtrali dwar il-ġeneri fil-Malti li bażikament jagħmel il-Malti aktar aċċessibbli li ma jidentifikawx bħala raġel jew mara. Se nħares lejn il-Malti u nara x’possibiltajiet newtrali diġa hemm u se naraw fil-lingwa ta’ kuljum x’jintuża bħala possibilitajiet newtrali.”
Indirizza din il-konferenza wkoll il-Professur Jorge Díaz Cintas, mill-University College London, li tkellem dwar il-kontenut potenzjalment sensittiv fil-midja u kif jista’ jiġi ttrattat.
Qal, “Will see how transaltors do and some of the challenges the face when translating from English for some of the famous platforms on the internet.”