Il-Prim Ministru Robert Abela kellu messaġġ ċar ta’ kuraġġ għan-negozji ta’ pajjiżna, u esprima l-fehma tiegħu li n-negozji Maltin jitmexxew b’mod onest u li l-Gvern se jibqa’ jappoġġjahom.
Hu qal dan f’intervista fuq l-istazzjon nazzjonali aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn iċċara wkoll li l-istituzzjonijiet qed jissaħħu biex jiġġieldu l-kriminalità, u ta s-serħan il-moħħ li l-istituzzjoni mhumiex hemm biex jagħmlu witch hunt fuq in-negozji.
Il-Prim Ministru Robert Aħna għandna negozji f’dan il-pajjiż b’saħħithom u li huma mibnija fuq reputazzjoni tajba, li jmexxu n-negozju tagħhom b’mod onest, u li l-profitt tagħhom jagħmluh b’mod ġenwin. “Dan id-dell li qed nipprovaw nixħtu fuq min qiegħed fin-negozju. Ejja nieqfu f’din in-narattiva. Jien se nkun wara kull business biex nibqa’ ninċentivahom jinvestu. Għamilna skemi tal-Malta Enterprise. Ħarsu lejhom, ibqgħu investu ibqgħu agħmlu l-ġid f’dan il-pajjiż”, appella l-Prim Ministru.
Din kienet fil-fatt tema ċentrali fil-programm XTRA, fejn Dr Abela spjega li f’xi waqtiet għandu jkun hemm sinġerija bejn il-politika u n-negozju, iżda kulħadd irid iżomm postu. Hawnhekk il-Prim Ministru stqarr li “lin-negozji nibqa’ nagħmlilhom kuraġġ, ninċentivahom biex jibqgħu jinvestu. Dan hu Gvern li se jkun kompletament wara n-negozji. Il-linja demarkatorja hi linja ċara. L-istituzzjonijiet saħħaħniehom biex jiġġieldu l-kriminalità, partikolarment il-kriminalità organizzata.”
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif f’pandemija n-negozji kienu kruċjali, flimkien mal-għajnuna li ta l-Gvern biex mal-mittlef persuna ma jitilfux xogħolhom. Għalhekk hu qal li biex jibqgħu jiġu sostnuti l-impjiegi “definittivament mhu se jkun ebda witch hunt fuq in-negozji. Din hi xi ħaġa li rrid nagħtu serħan il-moħħ lin-negozji tagħna.”
Mistoqsi dwar l-għeruq tal-Partit Laburista u jekk dan sarx wisq qrib in-negozji, Robert Abela kien ċar u saħaq li l-Partit Laburista jibqa’ l-partit tal-ġustizzja soċjali.
“Id-dinja tan-negozju tikkumplimenta l-aspetti l-oħra tal-ħajja. Id-dinja tan-negozju meħtieġa biex il-pajjiż jibqa’ jipprovdi x-xogħol, sabiex ikollna tkabbir ekonomiku. Dak it-tkabbir ekonomiku jfisser li jkollok ġid li jinħoloq u jitqassam bejn kulħadd. Hija formula li tgħaqqad mal-prinċipji ta’ dan il-Gvern, ta’ dan il-moviment, ta’ dan il-partit. Il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali.”