Il-Kummissjoni Ewropea qed tintroduċi limitu ta’ kemm il-ħaddiema jkunu esposti għall-kimiċi użati fix-xogħol tagħhom. Tħabbira li l-General Workers’ Union laqgħat b’sodisfazzjon, għaliex dawn il-kimiċi huma magħrufa li jikkawżaw il-kanċer. Il-limiti ta’ espożizzjoni ġew imposti mill-KE fuq 13-il tip ta’ sustanzi kanċeroġini.
Fi stqarrija l-GWU flimkien mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejd Unjins (ETUC) tgħid li għalkemm il-KE ilha aktar minn 12-il sena biex toħroġ bid-deċiżjoni tagħha, dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba li iżda ma jeliminax l-obbligu minn fuq min iħaddem biex ifittex alternattivi għall-kimiċi tossiċi li juża.