B’referenza għal rapporti u kummenti li dehru fl-aħħar jiem fuq il-mezzi tal-istampa u Social media, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ppubblikat il-prezzijiet awtorizzati skont il-kuntratti miftehma mal-konċessjonijiet u operaturi tal-Umbrellel u Deckchairs fil-bajjiet ta’ Blue Lagoon u Santa Marija rispettivament f’Kemmuna.
“L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda tagħmilha ċara li kull kirja ta’ Deckchairs u Umbrellel irid ikun konformi mal-lista ta’ prezzijiet mehmuża ma’ din l-istqarrija. Huwa importanti li għal kull transazzjoni ta’ kirijiet tingħata lill-klijent irċevuta fiskali. Minn barra l-obbligu li l-operaturi għandhom biex jesponu l-prezzijiet, tabelli bil-prezzijiet skont iż-żona rispettiva ser ikunu nstallati mill-Awtorità fiż-żewġ bajjiet f’Kemmuna,” qalet l-Awtorità.
Intqal li bħalma sar sa mill-bidu tal-istaġun tas-sajf, l-Awtorità ser tkompli tagħmel l-ispezzjonijiet u tieħu l-passi permessi bil-liġi, biex tassigura li jkunu qegħdin jiġu osservati l-obbligi kontrattwali kollha mill-operaturi, fiż-żewġ bajjiet imsemmija. Fin-nuqqas li xi regola ma tiġix osservata, l-Awtorità tirriserva d-dritt li saħansitra tirrevoka l-kuntratt mirbuħ b’effett immedjat.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fis-sena 2015 kienet għamlet sejħa għall-operaturi tal-Umbrellel u Deckchairs, b’tender pubblika għal tliet snin. L-erba’ operaturi li rebħu din it-tender intrabtu b’obbligi kontrattwali mal-Awtorità. Fost dawn l-obbligi hemm klawsoli li jirregolaw l-ammont ta’ Deckchairs f’kull żona mogħtija lilhom u anke l-prezzijiet li bihom għandhom jinkrew. L-Awtorità hija konxja mill-fatt tal-problemi li kien hemm f’dawn il-bajjiet f’Kemmuna fil-passat. Fost dawn insibu operat illegali fuq Kemmunett u fuq il-garig li huwa skedat min-Natura 2000 u li ġew indirizzati.