Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala Lilu King, reġa’ ġie arrestat.
ONE News jista’ jikkonferma li Elmushraty ġie arrestat fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd u qed jinżamm fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija biex ikun mistoqsi dwar potenzjal ksur ta’ kundizzjonijiet mill-ħelsien mill-arrest.
Dan wara li filmati fuq il-midja soċjali wrew lill-Lilu King jargumenta ma’ numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija waqt avveniment tal-boxing il-Ġimgħa filgħaxija.
Il-ġurnal Times of Malta ppubblika wieħed mill-filmati li qed idur fuq il-midja soċjali, li juri l-argument bejn Elmushraty u l-Pulizija.
Huwa mifhum li l-argument ġie rrekordjat anki fuq il-bodycams tal-Pulizija.
Sorsi viċin ONE News qalu li Elmushraty kien arrestat minħabba ksur ta’ bail li ngħata f’każ fejn qed iwieġeb mhux ħati għall-involviment tiegħu fi grupp organizzat marbut ma’ traffikar tad-droga u ħasil ta’ flus.
Huwa mifhum li Elmushraty qed jiġi interrogat b’rabta mal-imsemmi argument mal-Pulizija, inkluż talli m’obdiex l-ordnijiet tagħhom.