Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf aħjar bħala Lilu King, huwa mfittex mill-awtoritajiet Libjani b’rabta ma’ akkużi ta’ qtil u traffikar tad-droga.
Dan intqal fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Intqal kif l-Uffiċċju tal-Interpol fil-kapitali Libjana, Tripli, kien talab informazzjoni fuq ċertu Mohammed Ali El Musrati, b’rabta ma’ akkużi serji, fosthom qtil, traffikar tad-droga u sustanzi illegali, u għax kien membru fi gruppi perikolużi.
Aktar tard irriżulta li dan kien l-imputat.
F’pajjiżna, Elmushraty qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus, evażjoni tat-taxxa u parteċipazzjoni fi gruppi ta’ kriminalità organizzata. Dan flimkien ma’ ksur tal-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti u sewqan mingħajr liċenzja.
Elmushraty huwa rrappreżentat mill-avukat Franco Debono.