Il-bumbardamenti mill-Iżrael fuq il-Palestinjani, li ilu għaddej għal dawn l-aħħar disat ijiem, tefa’ lill-grupp militanti tal-Hamas lura is-snin.
Dan sostnih il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu.
Huwa żied jgħid illi l-operazzjonijiet militari se jibqgħu fis-seħħ sakemm iċ-ċittadini Iżraeljani jħossuhom li qed jgħixu b’mod sigur.
Il-Ministru għas-Saħħa Palestinjan qal li s’issa minn tal-inqas 215-ilpersuna, li kważi nofshom huma nisa u tfal, inqatlu f’Gaża, filwaqt li l-Iżrael irrapporta 12-il mewt.
Iżrael qal li 150 mill-persuni maqtula huma militanti, iżda l-Hamas ma tax figuri ta’ kemm inqatlu militanti u nies ċivili.
Fil-jum tat-Tlieta, Iżrael fetaħ il-fruntiera lejn l-istrixxa ta’ Gaża sabiex jidħol konvoj bl-għajnuna, madanakollu l-fruntiera kellha tingħalaq malajr minħabba li ż-żona spiċċat fil-mira tal-attakki mill-Palestinjani.
Intant, il-ġlied ma waqaf xejn, hekk kif mal-lejl saru diversi attakki miż-żewġ naħat, bl-isforzi diplomatiċi biex tintemm il-vjolenza mhux qed iħallu r-riżultati mixtieqa.
Franza ressqet abbozz ta’ riżoluzzjoni mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda f’koordinazzjoni mal-Eġittu u l-Ġordan u talbet għal waqfien mill-ġlied.