Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-FIAU hija istituzzjoni indipendenti, li taqa’ taħt is-supervizjoni tal-Ministru tal-Finanzi iżda ħadd ma jgħidilha x’għandha tagħmel u kif għandha tagħmel.
Huwa kien qed iwieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li staqsa kif il-PM se jsaħħaħ l-FIAU u hux se jsir it-tibdil suġġerit mill-Parlament Ewropew u l-investigazzjonijiet kollha pendenti fl-iqasar żmien.
Il-PM qal li din l-istutuzzjoni indipendenti dejjem ingħatat l-aħjar riżorzi minn gvernijiet suċċessivi. Iżda rridu nifhmu wkoll li jekk hemm liġi li hija bħal ta’ pajjiżi oħra trid tiġi osservata mill-persuni li għandhom ir-responsabbiltà politika.
“Jien bħala prim ministru lil dawn l-istituzzjonijiet l-ewwel dover tiegħi huwa li niddefendiehom u li mhux li noħroġ nattakahom jew nattakka l-liġijiet li qbilna kollha kemm aħna dwarhom matul iż-żmien. Jekk hemm bżonn ta’ tibdil fil-liġijiet, inpoġġu bilqiegħda ħalli naraw kif insaħħuhom u mhux inbiddluhom kif u skond kif jogħġobna minn ġurnata għall-oħra.”
Meta rrefera għar-rapport tal-Parlament Ewropew, il-PM qal li kien hemm affarijiet li huma fattwalment skorretti.
Aktar kmieni Dr Muscat qal li li kemm min-naħa tal-gvern kif ukoll mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji qegħdin isiru eżerċizzji biex isir magħruf kif in-nies fl-industrija tas-servizzi finanzjarji jaraw is-sitwazzjoni. Wieħed mill-messaġġi ewlenin li waslu min-nies fl-industrija huwa li lkoll kemm aħna, għandna niġbdu ħabel wieħed.
Is-sistema hija waħda ta’ legat u l-kontroll tal-ħsara huwa li nkomplu nkunu pro-attivi fir-rigward ta’ dan il-qasam b’mod unitarju.
Dr Mallia qal li s-servizzi finanzjai huma settur li gvernijiet preċedenti nazzjonalisti mhux biss bnew u matul iż-żmien, anke bil-koperazzjoni tal-Partit Laburista, il-Kamra ħadmet flimkien biex das-settur dejjem jibqa’ jikber.
Huwa assigura lill-Kamra, li hekk se jibqgħu jagħmlu.
Madankollu qal li l-aġir ta’ dan il-gvern wassal li r-reputazzjoni li Malta gawdiet għal tant snin, ġiet imtappna u mbtebba’ bil-kbir. Huwa staqsa jekk il-PM hux se jara mal-istakeholders kollha x’qed jinkwetahom u jara li anke attakki ġejjin minn pajjiżi terzi fuq il-ġurisdizzjoni tagħna kif l-aħjar niddefenduhom.
Il-Prim Ministru qal li attakki li jiġu minn terzi ma jinkwetawh assolutament xejn. “Jinkwetani meta jkun hemm xi ħadd minn pajjiżna li jipprova jattakka lill-pajjiż!”
Dr Muscat qal li l-qasam tas-servizzi finanzjarji jinsab taħt il-kappa tiegħu bħala Prim Ministru b’segretarju parlamentari iffukat prattikament unikament fuq dan il-qasam. Din hija l-ewwel darba u dan huwa sinjal politiku u hemm separazzjoni bejn il-qasam regolatorju u l-qasam tal-promozzjoni. Issa se jsir bit-tiġdid tal-liġi tal-MFSA li dil-Kamra se jkollha quddiemha.
Il-Ministru tal-Finanzi għarraf lill-Kamra li hemm żewġ istituzzjonijiet li se jagħmlu stħarriġ dwar l-istabbilità finanzjarja, il-ħasil tal-flus u jekk il-liġijiet hux qed jiġu implimentati sew.
Dwar il-qasam tas-saħħa, il-Prim Ministru qal li l-gvern qed ikun prudenti biex ikun hemm kuntatt mal-union tat-tobba u wera l-fiduċja li jekk ikun hemm ir-rieda miż-żewġ naħat, wieħed jasal għal soluzzjoni.