Fil-ġimgħat li wasslu għall-elezzjoni ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista smajna ħafna dwar min forsi ma nqediex jew min qed isofri minn xi inġustizzja.
Hemm każi reali li jeżistu u jkun tajjeb ħafna li jkunu indirizzati, għax hekk biss ikollna ‘Malta Tagħna Lkoll.’
Però jista’ jkun ukoll li sforz ta’ din il-kampanja ħloqna perċezzjoni ta’ iktar każi fejn persuni ma ħadux dak li ħaqqhom minn kemm fil-fatt jeżistu. Perċezzjoni li tista’ tagħmel iktar ħsara mill-ġid. Għalkemm irid ikun ċar li hi x’inhi r-realtà anke l-karba ġustifikata ta’ persuna waħda trid tkun indirizzata.
Però hemm ħafna nies li ‘qdejna’ (biex nuża l-kelma li tintuza ħafna għalkemm mhix ideali). Insemmi ftit minnhom, għalkemm mhux kollha.
Qdejna lil dawk il-pensjonanti li għall-ewwel darba ħadu żieda fil-pensjonijiet.
Qdejna lill-familji li qed jiffrankaw l-eluf meta jieħdu l-ulied fiċ-child care b’xejn.
Qdejna lil dawk li tajniehom ir-rifużjoni fuq it-taxxa mħallsa żejda tal-karozzi.
Qdejna lil dawk li naqqasnilhom il-kont tad-dawl u l-ilma.
Qdejna lil dawk il-familji bi dħul baxx li ħadu l-in work benefit.
Qdejna lil dawk li ħadu allowance għax għandhom qegħdin fir-riskju ta’ faqar u ħaduh biss għax it-tfal marru l-iskola biex hekk qdejna l-ulied ukoll.
Qdejna lil dawk il-persuni b’diżabbiltà li għax infurzajna l-liġi sabu xogħol.
Qdejna lil dawk li qegħdin igawdu minn djar residenzjali fil-komunità għall-persuni b’diżabbiltà.
Qdejna lil dawk in-nisa kollha li setgħu joħorġu fid-dinja tax-xogħol għax inħolqu iktar opportunitajiet.
Qdejna lil dawk li gawdew mit-tapering tal-benefiċċji soċjali, għax hekk issir il-ġustizzja soċjali.
Qdejna lil dawk li minkejja li rrepetew sena ħadu stipendju xorta waħda.
Qdejna lil familji li gawdew minn roħs fl-uniformijiet.
Qdejna lill-first time buyers li frankaw mal-€5,000 minn fuq it-taxxa tal-boll.
Qdejna lil dawk iż-żgħażagħ li ma ntilfux mis-sistema għax qegħdin fil-garanzija għaż-żgħażagħ.
Qdejna lil dawk li bdew joħorġu mill-faqar għall-ewwel darba.
Qdejna lil dawk li m’għadhomx isibu mediċini out of stock.
Qdejna lil dawk li kienu fuq waiting list u m’għadhomx.
Qdejna ħafna u ma’ dawn hemm ħafna iktar.
B’wiċċi minn quddiem ma niddejaq xejn ngħid li jekk il-prijorità ngħatat lil dawn ta’ hawn fuq, b’ħafna inizjattivi jgawdu minnhom anke persuni vulnerabbli, jien inħossni kburi.
Għax dak li jagħmel differenti Gvern Laburista. Ir-rieda li kulħadd igawdi mill-ġid.
Forsi hawn min għadu weġġa’ personali u nemmen li din trid tkun indirizzata. Imma jkun żball jekk noħolqu perċezzjoni fejn dawn ir-realtajiet ikbar ikunu mtappna minn ċirkostanzi ta’ individwi li xorta waħda wieħed għandu jagħti kashom meta l-karba tkun ġustifikata.
Però meta xi ħadd jgħidli li mill-gvern ma ħa xejn insemmilu l-lista ta’ hawn fuq u iktar. Xi waħda tolqtu żgur.