X’imkien darba qrajt li jekk ma tagħmilx skoss ħmerijiet meta tkun għadek żagħżugħ, ma jkollok xejn divertenti x’tirrakonta meta tikber fl-età u tixjieħ!
Għax iż-żgħożija ħafna drabi hija assoċjata ma’ dik l-età meta nieqes mill-irbit, obbligi u responsabbiltajiet, wieħed kważi kważi għandu l-permess li jitbellaħ xi ftit u jagħmel xi ħmerija ’l hawn u ‘l hemm.
Iżda lil hinn minn dan il-ħsieb pwerili dwar iż-żgħożija, nistaqsi: Fis-soċjetà tagħna tal-lum iż-żgħożija hi marbuta esklussivament ma’ żmien il- ‘ma jimpurtanix’ u x-xalar u d-divertiment, u llum hawn u għada minn rah? Tagħmel sens li l-Parlament approva b’mod unanimu l-Vot 16? Huwa f’postu li niddikjaraw li z-żgħażagħ aktar moħħhom fil-marijuana milli fis-sens ċiviku tagħhom?
U nkompli nistaqsi: Il-politiċi tagħna bid-deċiżjonijiet u dikjarazzjoniet tagħhom qegħdin jagħmlu dak kollu possibbli sabiex jifhmu liż-żgħażagħ? Jew jaslu biss sal-qoxra ta’ barra u jieqfu mad-definizzjoni ġenerali tal-kelma żagħżugħ jew żagħżugħa?
Sfidi.
Fl-ewwel snin li kont ngħallem kont naħseb li kull żagħżugħ jew żagħżugħa li jkolli quddiemi kienu se jmorru d-dar wara l-ħin tal-iskola u jsibu lill-ġenituri jistennewhom bil-platt lest. Kont naħseb li kollha jsibu ambjent seren fejn jistgħu jagħmlu x-xogħol tal-iskola u l-istudji tagħhom. Imbagħad forsi jkollhom ftit ħin għad-delizzji tagħhom.
Ma domtx wisq li ma ntbaħt li din l-idea tiegħi kienet sempliċiment Utopja.
Bdejt niskopri żgħażagħ li kellhom iċ-ċwievet tad-dar għax meta jmorru lura d-dar ma jsibu lil ħadd mill-ġenituri. Żgħażagħ li jispiċċaw jieklu n-noodles jum wara l-ieħor għax ma jkun hemm ħadd min isajrilhom.
Skoprejt ukoll żgħażagħ li jafu jsibu lill-ġenituri d-dar imma minħabba l-inkwiet bejn l-istess ġenituri jsibu ruħhom f’kamp ta’ battalja aktar milli f’familja mimlija għożża u imħabba.
Skoprejt żgħażagħ imdawrin bit-tagħmir teknoloġiku kollu immaġinabbli imma nieqsa għal kollox mill-imħabba, mill-affett u mill-attenzjoni. Tant li jkollok studenti li malli jersqu l-vaganzi tas-sajf jieħdu qatgħa. –Għax talanqas l-iskola nsib min jagħti kasi!-jgħidulek.
U tiltaqa’ u tikellem ma’ professjonisti kollegi li jaħdmu maż-żgħażagħ u jibdew b’litanija ta’ problemi. Għandna żgħażagħ imfarrkin. Imħawdin. Diżillużi. Imfissdin. Ibbumbardjati. Imsammrin. Fgati. Storduti. Indifferenti. Vojta. Imxebbgħin. Arroganti. Indixxiplinati. Iltima.
Imma għatxana għall-imħabba u għal min jifhimhom.
Jiena nemmen li kull żagħżugħ u żagħżugħa huma tajbin fil-fond ta’ qalbhom. Iżda l-velenu li titmagħhom is-soċjeta’, għax immaturi u neqsin mill-esperjenza, iħassrilhom is-sabiħ tal-ħajja.
Għandek ġenituri li sfortunatament m’għandhomx il-ħiliet meħtieġa sabiex irabbu. Tant huma stess aljenati, imkwetati jew imħabbtin li ftit li xejn isibu ħin, aptit u enerġija għaż-zgħażagħ tagħom.
Fuq l-estrem l-ieħor issib min iżommhom f’bozza u jipproteġihom u jagħtihom raġun f’kollox b’detriment għall-futur tagħhom. Jew inkella jixtrilhom kollox għax jaħseb li jista’ jixtri l-ferħ ta’ uliedu bil-materjaliżmu u l-flus. Ġenituri li ma jafux kif jgħallmu s-sens ta’ sagrifiċċju imbagħad jistagħġbu għax uliedhom arroganti magħhom!
Għandna żgħażagħ li ħierġin minn sistema edukattiva li għal ħafna snin kienet tkisser dak kollu li huwa uman fiż-żgħażagħ tagħna. Sistema li kienet mibnija fuq ġirja sfrentata għaċ-ċertifikati. Sistema li kienet bbażata fuq l-importanza tas-sillabu, homeworks u eżamijiet. Sistema li ftit kienet tħalli ħin għall-ħsieb liberu taż-żgħażagħ tagħna għax iffikuta fuq it-tagħlim tal-fatti u skoss informazzjoni inutli għal ħajjithom.
U xi ngħidu għall-midja soċjali li kompliet tħawwad il-borma u li rikbet il-karru tal-isfruttament taż-żgħażagħ tagħna. Huwa fatt li l-faxxinu tal-midja soċjali saret aljenazzjoni mimlija duwa għall-ġenerazzjoni żagħżugħa li tinvesti ħinha f’relazzjonijiet virtwali. Dak li huwa soċjali, il-Bonġu ta’ filgħodu bil-kliem bil-fomm u b’xi tbissima inbidlu mal-Like u xi E mail fuq il-medja soċjali. Il-kuntatt uman ħalla l-post lil dak virtwali bil-konsegwenza li qed jinħolqu robots u mhux persuni umani.
Mingħajr ma nsemmu l-gwaj u l-konsegwenzi koroh li l-midja soċjali, meta użata ħażin, ikollha fuq l-iżvilupp emozzjonali taż-żgħażagħ tagħna.
X’ma jiddamdmux? Min jaf x’inhu għaddej mill-wires ta’ moħħhom? Min jaf għaliex hemm fosthom min hu diżulluż u diġà għajjien mill-ħajja?
-It-tifla tiegħi qatt ma toħroġ. Mhux mill-isfrattati. Dejjem id-dar tkun. Fuq il-laptop iva…imma qatt ma toħroġ.
Sfrattata mhux sinjura.
Imma sfruttata iva.
Sfruttata bħal dawk iż-żgħażagħ li min-naħa tagħhom joħorġu u jsibu min iqaxxarhom ħajjin bil-prezzijiet li jiġu mitluba fil-postijiet tad-divertiment
Sfruttatata bħal dawk iż-żgħażagħ li huma l-vittmi tad-dwejjaq u d-disperazzjoni tagħhom u spiċċaw priġuniera tal-vizzju tad-droga li jġib miegħu tbatija, serq u mitt elf komplikazzjoni oħra.
Raġġ ta’ tama
Imma f’din li tidher Babilonja sħiħa hemm xi raġġ ta’ tama x’imkien?
U mela m’hemmx!
Iż-żgħażagħ tagħna, fil-mod li jġibu ruħhom, sew jekk weħedhom magħluq qed jokorbu bil-ħniena għall-valuri.
Nistħajjel min jistaqsi: Possibbli li ż-żgħażagħ mixtieqa mill-valuri?
Mela mhumiex! Imma qed iħabbtu fuq bibien ħżiena!
Għaldaqstant nappella sabiex ma niqfux mal-qoxra ta’ barra. Nidħlu fi djalogu aktar kontinwu u kostruttiv ma’ kull żagħżugħ u żagħżugħa. Inkunu qribhom u noħorġu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Nagħtuhom importanza. Nagħtu kas dak li jgħidulna.
Iż-żgħażagħ għandhom ħafna x’joffru. Qed jistennew biss lil min jagħti kashom u jismagħhom. Agħtihom sfida u jidħlu għaliha b’ruħhom u ġisimhom!
Iz-żgħażagħ huma l-pedament tas-soċjetà t’għada. Importanti li jekk irridu soċjeta’ b’saħħitha niżguraw li l-pedamenti huma sodi.
Għax il-bżonnijiet taż-żgħażagħ jmorru lil hinn mill-vot u l-marijuana!