Dan huwa moviment li qed iġib is-suċċess sforz l-għaqda u billi ma jibnix ħitan. Fiċ-ċentru Ċiviku tal-Imtarfa l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar it-transizzjoni kbira li għamel pajjiżna tul is-snin. Propju fl-Imtarfa, il-post marbut mal-preżenza militari Ingliża, Dr. Muscat tkellem dwar il-kisba tal-Ħelsien t’erbgħin sena ilu.
Semma l-kullana ta’ kisbiet kostituzzjonali li pajjiżna ra tul is-snin. Il-mexxej Laburista saħaq li dan il-moviment irnexxielu jneħħi l-firda fejn parti ta’ poplu kienet tħoss li l-Ħelsien huwa jum tagħha u ħaddieħor jarah li mhux tiegħu.
Joseph Muscat semma l-infrastruttura kbira li bena Gvern Laburista tas-sebgħinijiet u semma l-assi nazzjonali li wħud minnhom konna għodna tlifnihom u dan il-Gvern reġa’ qajjimhom fuq saqajhom fosthom l-Enemalta u l-AirMalta. Din l-istess infrastruttura li wrietna bidlet mudell ekonomiku ibbażat fuq in-nefqa militari tal-Gvern Ingliż għal wieħed marbut ma’ oqsma differenti bħal manifattura u t-turiżmu.
Il-Prim Ministru saħaq ukoll li l-ħelsien inkiseb mhux f’kuntest li Malta tkun iżolata mill-kumplament tad-dinja. Hawnhekk irrefera għal silta tar-Rock Opera Ġensa fejn f’kanzunetta minnhom jingħad li wlied il-Maltin qed isiefru u jħallu lill-ommijiet imbikkma għaliex dawn marru jsibu xogħol u futur aħjar.