“Lil ħija l-għażiż, iċ-ċavetta għal kollox. Dak li qatt ma gerger u dejjem lest biex jgħin lil dak li jkun. Qalb tad-deheb u z-ziju ta’ ibni. Int kont ir-raġel tal-familja, dejjem lest biex tieħu r-riedni f’idejk u tieħu ħsieb dak li jkun hemm. Tlifna anġlu… Se nħoss in-nuqqas tiegħek bil-kbir.”
Dan kien parti minn messaġġ twil u ta’ qsim il-qalb li kitbet oħt iż-żagħżugħ Justin Tabone li tilef ħajtu fl-età ta’ 22 sena waqt li kien qed jilgħab logħba futbol ma’ sħabu lbieraħ filgħaxija.
Fil-messaġġ tagħha fakkret kif minkejja d-differenzi ta’ bejniethom, l-imħabba bejniethom dejjem baqgħet preżenti u kif sfortunatament ma ngħatatx iċ-ċans biex tgħidlu kemm kienet grata li hu kien f’ħajjitha.
Kienu bosta li fakkru l-memorja ta’ ħabib u qarib tal-qalb li ddeskrivewh bħala persuna li dejjem lest joffri l-għajnuna, bi tbissima fuq wiċċu u b’qalb tad-deheb.