Memorja sabiħa li ma qatt ma ninsa fis-snin imbiegħda meta kont nattendi l-iskola primarja hija ta’ meta fi tmiem l-Assembly ta’ filgħodu tifel u tifla kienu jersqu lejn l-arblu fejn kien hemm imniżżla l-bandiera Maltija, u kienu jistennew lill-istudenti l-oħra tal-iskola li jibdew ikantaw l-Innu Malti sabiex itellgħu l-bandiera mal-kant tal-Innu.
Xi drabi l-Innu kien jispiċċa waqt li l-bandiera tkun għadha nofs triq biex imbagħad l-istudent li kien ikollu l-ħabel f’idejh kien jagħmel minn kollox sabiex jgħaġġel u jara li l-bandiera titla’ sa fuq nett.
Drabi oħra l-bandiera kienet tasal fil-quċċata ferm qabel ma jitlesta l-Innu Malti bħal donnu min tellagħha kien bla paċenzja u ried ilesti l-biċċa xogħol minn qabel!
Imma ta’ kuljum u l’bogħod minn dawn l-episodji li jnisslu tbissima, bħala studenti konna nkantaw l-Innu Malti b’entużjażmu u b’imħabba speċjali lejn pajjiżna. Tgħallimna nirrispettaw lil din l-Art Ħelwa u tgħallimna nuru rispett billi nitgħallmu l-kliem tal-Innu Malti u mal-kant noqogħdu dritti. U konna nikkompetu biex naraw min joqgħod l-aktar dritt ukoll!
Qed nitkeb dan kollu mhux sempliċiment għandi nostalġija lejn dawk iż-żminijiet tal-iskola primarja fis-snin sittin iżda għax nixtieq li fi żmienna f’pajjiżna ikun hemm fervur akbar meta nisimgħu l-Innu Malti.
Meta nattendi għal xi logħba tat-tim nazzjonali tal-futbol ninnota li mhux kulħadd ikun jaf il-kliem kollu tal-Innu. Mhux kulħadd iqum bilwieqfa jew joqgħod dritt bħala sinjal ta’ rispett. U meta nara l-logħba fuq it-tv, ninnota wkoll li mhux il-pleyers kollha ikunu jafu isegwu l-Innu Malti!
Nuqqas ta’ rispett lejn il-pajjiż?
Ma naħsibx. Aktar naħseb li hemm nuqqas ta’ edukazzjoni f’dan ir-rigward. Miż-żgħar sal-kbar.
Dan l-aħħar kont qed naqra l-ktieb ‘Commitment Didier Drogba My Autobiography (Copyright Didier Drogba 2015) fejn dan il-pleyer magħruf jiddeskrivi b’dan il-mod il-mument tad-daqq tal-Innu Nazzjonali ta’ pajjiżu qabel l-ewwel logħba internazzjonali li lagħab għal pajjiżu fl-2002.
When the national anthem was played, the entire stadium sang it, all together, proudly and loudly, and I felt the hairs stand up on the back of my neck. I can still feel the emotions of that moment whenever I think back to that day!
Mhux sabiħ li nkunu nistgħu aħna wkoll ngħidu l-istess għal meta jindaqq l-Innu Malti?
Lill-istudenti tiegħi fi tmiem l-Assembly inħobb ngħidilhom….Jekk ma nkunux aħna li nuru li nħobbu lil pajjiżna min se jkun?
Hawn nissuġġerixxi li ssir kampanja qawwija f’dan ir-rigward min-naħa tal-Presidenza tar-Repubblika Kampanja li tibda fl-iskejjel kollha, primarji u sekondarji , tal-istat, tal-knisja u tal-privat u tkompli mad-Dipartimenti u Postijiet tax-xogħol u anke fuq il-media fejn il-mira ewlenija hija dik li nkabbru l-imħabba u r-rispett lejn l-Innu u l-bandiera tagħna.
Niftakar li fi żmien meta Carlo Azeglio Ciampi kien President tal-Italja bejn l-1999 u l-2006 kien għamel kampanja qawwija simili f’pajjiżu li ħalliet effetti pożittivi fuq l-imħabba lejn il-patrija. Sa l-pleyers u diriġenti tat-timijiet nazzjonali kellhom jitgħallmu bilfors il-kliem tal-Innu ta’ pajjiżhom. Għaliex ma nagħmlux dak kollu possibbli sabiex inżidu l-imħabba u l-fervur lejn l-Innu Nazzjonali u l-bandiera tagħna aħna wkoll?
L-aqwa ambaxxaturi
Għadni kemm ħadt sehem fi skambju skolastika bejn skola Maltija u oħra Ġermaniża u komplejt nikkonferma l-importanza ta’ skambji bħal dawn sabiex inwasslu s-sabiħ ta’ pajjiżna lill-barranin. L-istudenti tagħna bl-innoċenza u l-pożittivita’ tagħhom jafu jkunu l-aqwa ambaxxaturi ta’ pajjiżna, tal-valuri tagħna, tat-tradizzjonijiet tagħna. Ta’ dak kollu li bi kburija jagħmilna Maltin.
L-iskambji skolastiċi huma mod ieħor kif inkabbru r-rispett lejn pajjiżna anke barra minn xtutna filwaqt li nsibu dak li jgħaqqadna bejn il-popli u kemm aħna importanti għal xulxin.
Kif qalilna gwida Ġermaniża li għandu wkoll imħabba speċjali għal pajjiżna, fi żmien it-tieni gwerra dinjija aħna sofrejna mill-bombi tagħhom filwaqt li l-bliet tagħhom ġew imfarrka wk mill-bombi iInglizi. Konna għedewwa fil-gwerra imma permezz ta’ djalogu u qsim ta’ esperjenzi simili tgħallimna napprezzaw is-sabiħ ta’ xulxin mingħajr ma ħadd ma tilef l-identita’ tiegħu.
Quddiem il-vantaġġi ta’ skambji skolastiċi nappella lill-awtoritajiet sabiex attivitajiet simili jibqgħu jiżdiedu u aktar studenti jkunu jistgħu ambaxxaturi denji ta’ din l-Art Ħelwa.