Għaddew ħdax il-sena minn meta bint Sandro u Doreen mietet fl-Isptar San Luqa wara ħames t’ijiem dieħla u ħierġa u t-tobba jgħidulhom li m’għandha xejn. Dakinhar il-ġenituri ntebħu mill-ewwel li kienet it-traskuraġni ta’ xi tobba fl-isptar li waslet biex tilfu l-għeżież li kellhom f’ħajjithom u ftit tal-jiem ilu dak li dejjem emmnu kien ikkonfermat minn sentenza tal-Qorti.
Sentenza li tathom raġun u kumpens ta’ €60,000. Iżda li donnu serviet biss biex fihom tiżdied ir-rabja. Għax fi kliem Sandro “ġustizzja ma saritx.”
Iżda, qabel jgħidli għaliex jemmen dan nitolbu joħodni lura għal Lulju tal-2005. L-agħar xahar għal familja żagħżugħa li tgħix f’Birkirkara u li għat-tifla kellhom ħolm mill-isbaħ. Tifla li dak iż-żmien kienet sebbħet il-faċċata tal-KullĦadd meta kien ippubblikat ir-ritratt tagħha. Sfortunatament għal aħbar ta’ dieqa. Mewtha.
“It-tifla qatt ma kienet marida. Dejjem b’saħħitha. Xi għaxar t’ijiem qabel ġara l-każ konna tajniha l-injection tal-MMR, normali, u qalulna li seta’ jkollha xi side effects. Avżawna li jista’ jitla’ xi deni. Ħaġa normali. Peró għaddew l-għaxar t’ijiem u ma kien ġrala xejn. Iżda, imbagħad konna morna ġurnata splash and fun u t-tifla qisha dehret ma kinitx f’sikkitha bħas-soltu. Niftakar qbadna u tlaqna ftit kmieni għax mhux se tibqa’ hemm la jkollok dubju. Fil-fatt telala daqsxejn deni, tajniha ftit calpol u għadda l-lejl,” irrakkonta Sandro li b’dettall liema bħalu daqs li kieku għandu l-file tal-istorja f’idejh beda jirrakkonta l-agħar ġimgħa għalih u għal martu.
“Filgħodu reġgħet qamet bid-deni. It-tabib tal-familja ma bediex jaqbad u għidtilha ejja mmorru l-isptar. Hemm eżaminaha għall-ewwel darba tabib. Staqsiena x’għandha u ried jieħu kampjun tal-awrina, li ma riedet tagħmel b’xejn. Għidtlu issa mmur id-dar u minn hemm u minn hawn jirnexxieli. Peró serħilna moħħna li t-tifla ma kellha xejn gravi. Iżda, iktar tard xorta ħadtilha l-kampjun l-isptar u t-tabiba qaltilna li deher kollox sew u li ma kellha ebda infezzjoni fl-awrina,” qalilna l-missier li sa issa kien imħasseb dwar tifla bid-deni bħal ma jiġri f’diversi każi oħra.
Iżda, bid-deni jibqa’ ma jinżilx u t-tifla tibqa’ ma turix titjib mill-ġdid issejjaħ għat-tabib. Din id-darba t-tabib tal-familja li wkoll indika li ma kellha xejn kbir. Iżda l-Ħamis mhux biss kellha d-deni peró anke ntefħilha għonqha.
“X’ħin ralha għonqha minfuħ qalli aħjar toħodha l-isptar. Kien hemm tabiba u bdiet taraha, għamlitilha check up u qaltilna li m’għandha xejn gravi. Kulħadd beda jgħidilna li l-effett tal-MMR. Din kienet it-tieni darba minn ħamsa li morna l-isptar. L-ewwel darba li morna, kien l-Erbgħa u din kienet il-Ġimgħa. Is-Sibt ma morniex għax qalulna ibqgħu tuha l-calpopl,” kompla jirrakonta l-missier.
Peró l-Ħadd baqgħet mhux f’sikkitha. “Ċempilna t-tabib tal-familja li ma stajniex naqbduh u għalhekk xil-ħamsa ta’ wara nofsinhar morna l-isptar. Issa t-tifla kienet iktar gravi u ratha t-tabiba De Marco. Peró reġgħet qaltilna m’għandha xejn gravi. Iżda, issa bdejna nistaqsu iktar. Effett tal-MMR it-tielet darba li ġejna l-isptar?”
Kull ġenitur jaf kemm hu iebes il-lejl bit-tfal ma jifilħux. Aħseb u ara meta dan ma jkunx l-ewwel wieħed. Meta l-bint li tant tħobb ma tkunx tista’ tirkupra u dak li deher normali sa 72 siegħa qabel jibda jidher ikkumplikat.
“Xis-siegħa u nofs ta bil lejl erġajna morna l-isptar u issa t-tifla bdiet taqta’ nifisha bit-tabib Zammit jgħidilna li kienet għajjiena. Għednilu li ma setax ikun wara ġurnata rieqda. Imma hekk baqa’ jinsisti t-tabib,” jgħid il-missier li jfakkar li hawn diġa’ ma kienx kuntent b’xejn bis-servizz li ngħata. “Għax jien l-isptar ma kontx qed immur għalxejn,” jinsisti.
Peró bagħtuhom lura d-dar. “It-tifla baqgħet turina li mhix tajba. Lil Doreen għidtilha ma rridx nerġa’ mmur San Luqa u ċempilt sptar privat. Iżda ma qbadna l-Ħadd. Kont determinat li din id-darba noħodha u jżommuha bilfors. Għax ma stajniex nibqgħu ġejjin u sejrin bit-tifla sejra għall-agħar” jirrakkonta l-missier bl-omm tkompli tgħid ‘il biċċa li jmiss. L-agħar mument. Il-mument fejn tassew saru jafu li mhux se joħduha lura d-dar.
“Ma bdietx tixrob. Għamilna tliet kwarti nistennew ħdejn il-bieb tal-Emerġenza. Bdejna ngħidulhom ittawlula. Bdejna ngħidulhom għandha xofftejha qed isirulha blu. It-tifla kesħet. Dak il-ħin għidtlu naħseb qed jinżlilha d-deni, imma kienet qed tmut,” tgħid l-omm f’mument fejn fil-kċina tal-familja waqa’ silenzju kbir.
Isib ftit kuraġġ biex ikompli jfiehem x’ġara l-missier. “It-tifla qiegħda tmut f’idejna u ma jiġi jittawlilha ħadd. Vili. Vili ta’ vera x’ħin niftakar,” jgħid Sandro.
Din id-darba reġgħet marret taraha t-tabiba li kienet ratha fit-tielet żjara l-isptar. Dik tal-Ħadd ftit wara l-ħamsa. Tard wisq indunat li kien hemm xi ħaġa serja.
“F’daqqa waħda paniku sħiħ u qalulna se ntellugħha l-ITU. Ittieħed ukoll X Ray tal-Pulmun. Lil mara għidtilha ejja fl-aħħar se jżommuha,” iżid Sandro, filwaqt li taqbeż hi u tgħidli: “Jien għidtlu taf li l-ITU tat-tfal se jtellugħha.”
Dak il-ħin staqsew kemm hi gravi. Gravi biżejjed li t-tifla daħlet fit-taqsima tal-kura intensiva fejn ingħatat il-morfina u l-ossiġnu filwaqt li huma qagħdu barra jistennew.
“Imbagħad ġew tawna l-aħbar. Daqshekk. Konna ilna mill-Erbgħa sa t-Tnejn filgħodu ġejjin u sejrin l-isptar. Meta l-Ħadd filgħaxija morna fil-ħamsa u nofs u bil-lejl kien ċar li kellhom iżommuha,” jgħid il-missier.
Hawn il-familja bdiet taħseb biex tieħu l-każ il-Qorti. Għax għalkemm lit-tifla ma setgħu jġibuha lura qatt ma setgħux jibqgħu passivi meta t-traskuraġni ta’ xi ħadd waslet għal mewt ta’ binthom. “Wara l-awtopsja kont kellimt uffiċjal għoli tal-isptar u qalli li din kull ma kellha beda minn infezzjoni fgriżmejha u nfirxilha ma’ ġisimha kollu. Kull ma riedet antibijotiċi. Forsi ftit qawwijin,” qal il-missier.
Fil-fatt l-awtopsja kienet ikkonfermat li t-tifla mietet kawża ta’ mikrobu li attakkalha s-sistema tal-pulmun u aktar tard infirxilha ma’ ġisimha kollu inkluż fid-demm.
Uffiċjal tad-Dipartiment tal-Pedjatrija kien ikkonferma li l-mikrobu li attakka lit-tifla huwa sensittiv għal tliet tipi ta’ anti-bijotiċi.
Minn dakinhar il-familja saret familjari mal-Qorti u ċ-ċimiterju. Żewġ postijiet li ma ħasbux li se jżuru tant ta’ sikwit.
“Ilna ħdax –il sena telgħin u neżlin il-Qorti. Ftaħt il-kawża għax tkun trid ġustizzja. Ma ħassejnix li konna stmati tajjeb. It-tifla ma kelliex tkun stmata hekk. Li ma jagħtux kasha fl-iktar post fejn trid tiġi moqdi,” jgħid il-missier. Bi dmugħ f’għajnejha żżid miegħu l-omm. Għax f’dawn iċ-ċirkostanzi xejn m’hu faċli.
“Weġgħa, speċjalment fil-bidu. Għax dejjem trid tirrepeti l-istess ħaġa kull darba. Kull darba trid tgħid kif mietet bintek. Huwa issa li qed insibu ftit kuraġġ,” tirrimarka. Bl-istorja rrakkontata mill-ġdid tlabt ir-riflessjoni dwar is-sentenza. It-ton ta’ missier dispjaċut issa nbidel f’ta’ wieħed irrabjat.
“Ma ħadniex ġustizzja. Jien mhux flus ridt. Min joqtol imur il-ħabs nemmen jien,” jgħid il-missier.
“Lil binti tawha prezz ta’ €60,000. Dak li ħadt minn dan il-każ li kkonferma kif binti mietet għax kien hemm żewġ tobba ħatja ta’ traskuraġni,” qal il-missier li għal darb’oħra tenna li jrid jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu biex ħadd ma jgħaddi minnha.
“Għax dawn l-affarijiet jistgħu jiġru. Taħsibx li għax għaddew ħdax-il sena u minn San Luqa morna Mater Dei tranġa kollox. Irrid nitkellem. Irrid nagħti leħen. Irrid li ma jiġrix kif ġara fil-każ ta’ Mireille,” jgħid il-missier li f’moħħu jberrnu diversi mistoqsijiet.
Għax jgħidu x’jgħidu l-liġijiet, fosthom dwar il-mod kif tinħadem formola ta’ kumpens, il-missier imweġġa’ li tilef il-bintu jirrepeti għal bosta drabi żewġ mistoqsijiet. Żewġ mistoqsijiet li jtambru f’rasu u li ma jafx min se jtih tweġiba għalihom: “Min joqtol mhux il-ħabs imur? U min hu responsabbli jibqa’ jaħdem fl-isptarijiet?”
Kieku kient xi ħaġa impossibbli ma kontx niftaħ il-każ imma din it-tifla setgħet għexet.
Mistoqsijiet leġittimi għal min f’idu kellu tarbija qawwija u sħiħa u tilifha darba għal dejjem.
“Kieku kienet marida kont ngħid m’hemmx x’tagħmel imma li f’daqqa waħda kelli tifla l-ġmiel tagħha u wara erba’ t’ijiem tispiċċa mejta ma tifhimiex. Mhux hekk?”