Il-kuġina ta’ Bernice Cassar qalet li żewġha Roderick kien heddidha b’sikkina quddiem iż-żewġt uliedhom għax ma riditx tmur Għawdex miegħu f’Jum l-Omm.
Din qalet ukoll li Bernice Cassar bagħtitilha messaġġ fil-lejl qabel intqatlet, u qaltilha li l-allegat qattiel tagħha kien ‘tilef il-kontroll, u kienet tinsab imbeżża’.
Dan intqal fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, waqt il-kumpilazzjoni li għaddejja fil-konfront ta’ Roderick Cassar, li jinsab mixli bil-qtil ta’ martu.
Roderick Cassar wieġeb li mhux ħati għal 15-il akkuża, fosthom dik ta’ femiċidju; li żamm persuna kontra l-volontà tagħha; vjolenza, inkluża dik psikoloġika u morali; l-użu ta’ pistola bl-għan li jwettaq att kriminali; u li kellu arma tan-nar bla liċenzja.
Il-qariba tal-vittma qalet li Bernice kienet imwerwra għax ripetutament kienet qed tirċievi telefonati mingħand żewġha. Minkejja li hijja bblokkjatu, huwa beda jibgħat l-emails u jċempel fuq il-post tax-xogħol tagħha.
F’Novembru, ix-xahar li fih inqatlet, Bernice kienet saħanistra qalet lil din il-qariba tagħha li qed qed tibża li Roderick kien se joqtolha.
Il-kuġina ta’ Cassar qalet li, wara li l-vittma żżewġet, hija bdiet tiltaqa’ magħha inqas frekwentement. Darba minnhom Bernice infaqgħet tibki minħabba dak li kienet għaddejja minnu.
Irrakkonat ukoll li huwa kien heddidha b’sikkina minħabba li ma riditx tmur miegħu Għawdex nhar jum l-omm. Il-vittma, allegatament għamlet taħtha bil-biża’.
Hekk kif din bdiet tnaddaf warajha, l-allegat qattiel qalilha, “Ara x’għamilt b’idejk.”
Kien proprju hawnhekk li Bernice telqet mid-dar.
Meta marret lura fid-dar matrimonjali sabiex tiġbor l-uniformijiet tat-tfal, Roderick insista li t-tifla tibqa’ miegħu.
Il-vittma kienet qed tibża’ wkoll li kien se jagħmel ħsara lill-vettura tagħha, minkejja li kien jiddispjaċiha għalih.
Il-kuġina tagħha qalet li kien jitrattaha agħar minn annimal.
L-allegat qattiel allegatament saħansitra ma kienx iħalli lil uliedu jieħdu l-ġugarelli għand in-nanniet tagħhom.
Il-vittma kienet għaddejja wkoll minn sfida finanzjarja, għax Roderick Cassar ma kienx iħallas il-manteniment.
Fil-11 ta’ Novembru, il-Pulizija ssejħu minħabba kommozzjoni li qajjem l-allegat qattiel ħdejn il-karozza tal-vittma.
Il-psikologu ta’ Bernice Cassar qal li hi kienet tirtriegħed u viżibilment imbeżżgħa.
Intqal kif, minkejja kollox, Bernice baqgħet tħobb lil Roderick, u kien jiddispjaċiha għalih.