Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat kif uħud fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista użaw it-teħid tal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis bħala waħda li turi li għad għandhom il-kontroll fil-partit suppost immexxi minn Bernard Grech.
Bit-titlu ‘Grech bla direzzjoni’, il-gazzetta KullĦadd irrappurtat dwar kif sensiela ta’ laqgħat jaħarqu tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista wasslu biex il-Ġimgħa filgħaxija, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kellu jaċċetta li jibla’ l-kliem u d-dikjarazzjonijiet kollha li lissen fil-pubbliku dwar ir-riforma fil-liġi tal-kannabis biex issa se jmur fil-Parlament u jgħid li hu kontra.
Ingħad li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu jagħmel u-turn totali minkejja li sa ftit xhur ilu kien beda jgħid x’għandha tinkludi din ir-riforma u saħansitra meta l-Gvern ippubblika d-dettalji ta’ din ir-riforma qal li dan kien qed jikkopja lilu.
Dan qalu anke jekk hu u l-partit tiegħu ma ħadux sehem fil-konsultazzjoni pubblika meta l-Gvern ħareġ White Paper dwar is-suġġett, lejn l-aħħar ta’ Marzu li għadda.
Il-gazzetta KullĦadd innutat erba’ sitwazzjonijiet li fihom Bernard Grech spiċċa jmeri lilu nnifsu.
L-ewwel qal li l-Gvern għandu jara kif il-kannabis tista’ tinxtara b’mod legali, anki jekk qatt ma pparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika.
Imbagħad fuq il-Fosos għamel żball fattwali u nqabad li ma jafx l-affarijiet meta qal hekk.
Qal, “Mhux kif għamel dan il-Gvern rigward il-kannabis, lanqas White Paper ma ħareġ.”
Meta l-Gvern imbagħad ippubblika l-abbozz ta’ liġi li tressaq fil-Parlament dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, Grech qal li l-Gvern ikkopja lilu biex imbagħad, il-Ġimgħa filgħaxija ħareġ stqarrija jgħid li hu kontra.
Fi kliem bosta, anki fil-partit tiegħu stess, iżda mhux biss, għamel farsa minn materja ta’ importanza nazzjonali.
Il-KullĦadd innota li d-dikjarazzjonijiet bla direzzjoni ta’ Bernard Grech ma kinux biżżejjed għall-Grupp Parlamentari Nazzjonalista biex jaqbel li jappoġġja r-riforma fil-liġi tal-kannabis maħsuba primarjament biex persuni ma jibqgħux imorru l-ħabs u jċappsu l-kondotta minħabba l-użu personali tal-kannabis.
Lanqas l-attakk minn imkien fuq dawk favur l-abort ma kien biżżejjed bħala kompromess.
Saħansitra sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu lill-gazzetta li kien hemm min uża d-diskussjoni fil-Grupp Parlamentari biex juri lil Bernard Grech li fil-Partit Nazzjonalista għadha tmexxi l-fazzjoni li poġġietu hemm u li finalment dak li jgħidu huma jgħodd.
Imbagħad kien hemm dawk, bħall-eks Kap Adrian Delia u s-sostenituri tiegħu, li raw din bħala opportunità biex bl-użu tal-kawża jagħtu daqqa lura lil Grech għall-mod kif immina l-pożizzjoni tagħhom biex sar Kap hu.
Bernard Grech ilu bla direzzjoni fuq il-liġi tal-kannabis u l-Partit Nazzjonalista saħansitra evita li jibgħat il-kelliema tiegħu fuq ix-xandir biex jiddiskutu s-suġġett.
Sa din il-ġimgħa stess huwa kien ostili lejn il-ġurnalisti meta mistoqsi x’pożizzjoni se jieħu u beda jgħid biss li se jgħidha fil-Parlament iżda imbagħad spiċċa qalha qabel fi stqarrija li kien kostrett joħroġ u jgħid li hu kontra.
Il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis se tibda tiġi diskussa fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija.