Tressaq għat-tieni qari l-abbozz ta’ liġi li jemenda liġijiet varji dwar Mediċini Perikolużi, li għandu l-għan li jnaqqas il-piena għal persuni li jinqabdu b’ammonti żgħar ta’ droga.
L-Imħallef Emeritu u Kummissarju tal-Liġijiet, Antonio Mizzi, spjega li dan l-abbozz ta’ liġi huwa intiż biex jissimplifika l-proċess fil-Qrati f’każijiet fejn persuna tinstab fil-pussess ta’ kwantitajiet żgħar ta’ droga. Dan biex il-Qrati jagħtu ġudizzju ġust u ekwu, u nies li jkunu fil-pussess ta’ kwantità żgħira ta’ droga, ma jiġux penalizzati b’sentenzi ta’ priġunerija.
Huwa qal, “Dan ma jfissirx li qegħdin ngħidu, mela kulħadd jista’ jaqbad u jieħu d-drogi li jrid. Xejn affattu għax aħna dejjem favur li ħadd ma jiddroga ruħu kif ħadd m’għandu suppost ipejjep, kif ħadd m’għandu jisker, din hija l-istess sitwazzjoni.”
Il-liġi tinsab fi stadju ta’ kumitat u għadha fiċ-ċans li jsirulha modifiċi. Eventwalment tmur għat-tielet qari u għall-firma tal-President biex issir liġi.
L-Imħallef Emeritu spjega li l-maġġoranza tan-nies mhux se jiġu bżonn il-liġi imma se tkun t’għajnuna għal dawk li jesperimentaw fiż-żogħżija tagħhom.
Huwa sostna: “Forsi b’din il-liġi jirrealizzaw ukoll li l-esperimentazzjoni hija ta’ darba u m’għandhiex tkun ħaġa regolari, assolutament. Din hija liġi mhix intiża bħala liġi ta’ saħħa imma hija liġi intiża biex min jagħmel żball ċkejken, jiġi biex ngħid hekk ikkastigat b’piena ċkejkna.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, qal li din il-liġi se tikkunsidra ċertu sitwazzjonijiet, bħal per eżempju, jekk il-persuna tkunx inqabdet bid-droga l-ewwel darba, jekk tkunx bid-droga biex issostni d-dipendenza tagħha u mhux biex tittraffika, u t-tip ta’ droga li jkollha.
Huwa stqarr: “Hija konferma oħra ta’ Gvern tan-nies u għan-nies. Għalfejn? Għaliex il-Gvern sema’ l-karba ta’ familji u għamel distinzjoni ċara bejn it-traffikant tad-droga – li hemmhekk il-ġlieda qalila kontrih tibqa’, u min-naħa l-oħra l-vittma tad-droga li rridu nibqgħu ngħinuh u nsostnuh u noħorġuh minn dik id-dipendenza u din il-liġi x’qed tagħmel? Qed tagħti d-diskrezzjoni lill-Qrati għaliex aħna l-Qrati saħħaħnihom u nemmnu fihom li meta teżamina ċertu fatti ta’ każ, tikkunsidrahom u mhux bilfors il-persuna jeħel priġunerija però jingħata trattament.”
Fuq kollox, il-Ministru qal li din il-liġi hija konferma oħra li l-Qrati tagħna mhux biss japplikaw il-liġi imma verament iwettqu ġustizzja maċ-ċittadini Maltin u l-familji tagħhom.