Abozz ta’ liġi li għandu l-għan li jkompli jkabbar il-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna.
Kienet din ir-reazzjoni tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, l-għada li fil-Parlament tressqet emenda li tipproteġi aktar lill-artisti.
Dan fid-dawl tal-fatt li l-mexxej tar-River of Love, Pastor Gordon Manché, talab lill-Pulizija biex tieħu passi kriminali fil-konfront ta’ tliet artisti lokali, fosthom fil-konfront tad-Direttur ta’ Teatru Malta, Sean Buhagiar.
Dan wara li l-istess Manché ħassu offiż b’kummenti satiriċi li saru fil-konfront tiegħu.
Il-Ministru Bonnici sostna li huwa jemmen bis-sħiħ fil-libertà tal-espressjoni, skont il-parametri tal-liġi, ma jistax jippermetti li din tiġi maħnuqa.
“Bħalissa għandna sitwazzjoni fejn għandna nies f’pajjiżna li jaqbdu liġijiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-kwistjonijiet ta’ espressjonijiet jew arti u jużawha bħala arma kontra l-artisti. L-artisti, meta jtellgħu produzzjoni, dan huwa x-xogħol tagħhom. Li tmur għax-xogħol u, minflok tmur lura dar, tmur l-għassa għax hemm min juża liġijiet biex jattakka lill-artisti, mhux xi ħaġa aċċettabli. Aħna rridu li nkomplu nsaħħu l-libertà tal-espressjoni, anki għax huwa fl-interess tad-demokrazija tagħna.”
Ministru Owen Bonnici
Il-Ministru Bonnici qal li dan l-episodju juri d-differenza kbira minn dak li kien iseħħ fil-passat, meta f’episodji li seħħew taħt amministrazzjonijiet preċedenti, il-Gvern ta’ dak iż-żmien ma kien għamel xejn.
“Meta kien hemm affarjiet simili taħt gvern Nazzjonalista, il-Ministri kienu qagħdu siekta u tħallew, l-artisti, jitressqu l-Qorti daqslikieku kienu kriminali mingħajr intervent leġizlattiv ta’ xejn. Gvern Laburista aġixxa mill-ewwel. Nirringrazzja lill-Ministru tal-Intern, Byron Camilleri, li id f’id miegħu għamilna dak kollu meħtieġ biex inressqu abbozz ta’ liġi li jkompli jkabbar il-libertà tal-espressjoni artistika.”
Ministru Owen Bonnici