Dawk li kienu biss kliem fuq karta, issa saru liġi li se żżid l-infurzar fejn tidħol l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità.
Permezz tal-Avviż Legali 198 tal-2019, linji gwida imsejħa bħala Access for All Design Standards in the Built-in Environment – maħsuba li jagħtu spazju miftuħ u aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità – issa saru regolamenti bħala parti mil-Liġijiet ta’ Malta.
Kien ftit aktar minn 15-il sena ilu, meta nħarġu l-ewwel sett ta’ linji gwida fil-qasam, li eventwalment ġew stabbiliti bħala standards nazzjonali fl-2015, u issa saru liġi.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis tenna li dan il-pass kien ilu mistenni, kemm mill-persuni b’diżabilità u b’mod speċjali minn qrabathom.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, sostna li dan l-avvanz fil-liġi se jsaħħaħ idejn il-Kummissjoni biex tassigura li persuni b’diżabilità jgawdu d-dritt tal-aċċess kull fejn ikunu.
Huwa spjega li l-Kummissjoni qed tħares ’il quddiem biex ikollha wkoll taqsima tal-infurzar, u appella biex jitwettqu proġoetti bi ħsieb li persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà.
Biex dan l-Avviż Legali huwa xhieda oħra tal-impenn tal-Gvern li jħares id-drittijiet bażiċi tal-persuni b’diżabilità; primarjament billi jgħixu b’mod sħiħ f’ambjent aċċessibbli mingħajr ebda xkiel.