Proposta mill-Gvern wasslet f’bidla fil-liġi li tittratta l-Avukati tat-Tfal fil-Qorti.
Bidla li permezz tagħha issa verament dawk f’din il-kariga jsiru rappreżentanti legali tat-tfal.
Sa issa l-Avukat tat-tfal kien biss espert maħtur mill-Qorti tal-Familja sabiex jipprepara rapport wara li jkun sema’ l-verżjoni tat-tfal b’mod kunfidenzjali.
Rapport li permezz tiegħu l-Qorti tiddeċiedi jekk waqt il-proċeduri ta’ separazzjoni ġenitur għandux jingħata kustodja tat-tfal.
Ma’ dan l-istazzjon, l-Avukat Andy Ellul spjega din il-bidla fl-irwol tal-Avukat tat-Tfal.
Ellul stqarr, “Il-minorenni issa b’mod attiv ħa jkollhom rappreżentanza legali jiġifieri l-irwol tal-Avukat tat-Tfal issa nbiddel minn dak passiv fejn qabel l-Avukat tat-Tfal kien jisma’ lill-minuri umbgħad jirraporta lill-Qorti issa bil-liġi l-ġdida jrid jagħti rappreżentanza lill-minuri u anke jassistieh.”
Dr. Ellul spjega wkoll kif b’differenza għall-passat, issa l-ġenituri grazzi għal din il-liġi l-ġdida għandhom wkoll aċċess għar-rapport li jagħmel l-Avukat tat-Tfal.
Hu stqarr, “F’din il-liġi tikkontempla li l-avukat irid jirraporta lill-Qorti u peress li ser ikun qed jipparteċipa attivament, il-ġenituri li ser ikunu preżenti waqt is-seduti jkunu jistgħu jisimgħu l-argumenti tal-avukat bid-differenza kif jiġri fil-Qorti tal-Familja bħalissa preżentament.”
Intant Dr. Ellul saħaq li biex wieħed jikkawalifika u jaħdem bħala Avukat tat-Tfal taħt din il-liġi l-ġdida għandu bżonn taħriġ speċjaliżżat mill-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.